Lokali

Membri tal-gvern fuq il-PAC jivvutaw kontra l-pubblikazzjoni tal-kuntratt ta’ Henley&Partners

Il-membri tal-gvern fuq il-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi, il-PAC, ivvutaw kontra talba tal-Oppozizzjoni biex jiġi pprezentat il-kuntratt li l-gvern iffirma ma’ Henley & Partners u li jagħti d-dritt li din il-kumpanija tbiegħ iċ-ċittadinanza ta’ pajjizna.

Il-membri tal-Gvern qalu li l-kuntratt se jiġi pprezentat fil-ħin adattat wara li l-affarijiet kollha li tqajjmu b’mod formali jew informali jiġu diskussi. Dan minkejja li dawn ma jinsabux fuq l-aġenda ta’ dan il-Kumitat.

Permezz ta’ dan il-ftehim, hu kkalkulat li l-kumpanija se tagħmel dħul ta’ mill-inqas mitejn u tletin miljun ewro mill-bejgħ taċ-ċittadinanza ta’ pajjizna.
It-talba tal-Oppozizzjoni waslet wara li l-Ispeaker tal-kamra ta ruling li l-PAC għandu d-dritt jitlob li dan il-kuntratt jiġi ppublikat.

L-Oppożizzjoni kienet talbet il-ġudizzju tal-Ispeaker wara li l-Ministru Owen Bonnici qal li dan il-kuntratt ma jistax jiġi ppublikat fuq ordni tal-Qorti, liema raġunament kien intuża wkoll mill-Prim Ministru Joseph Muscat.

Wara r-ruling tal-Ispeaker, iċ-Chairman tal-PAC Tonio Fenech kien sejjaħ laqgħa tal-kumitat li kellha titħassar minħabba li l-membri tal-gvern fuq dan il-kumitat irrifjutaw li jattendu minħabba li qalu li kienu mpenjati.