Ġnien Pawlu Boffa f’Raħal Ġdid issa għandu monument partikolari magħmul minn fliexken tal-ilma li nġabru mill-istudenti tal-Iskola Primarja tal-istess lokal, li tifforma parti mill-Kulleġġ San Ġorġ Preca, bħala parti mill-kampanja “Catch the Drop” tal-HSBC.
Din il-kampanja għandha l-iskop li żżid il-kuxjenza favur il-konservazzjoni tal-ilma. Minbarra f’din l-attività, it-tfal tal-Kulleġġ San Ġorġ Preca ta’ Raħal Ġdid qed jipparteċipaw f’diversi inizjattivi oħrajn marbuta mal-kampanja tal-HSBC. Il-monument kien disinjat mill-artist Joseph Barbara u hu magħmul minn fliexken tal-plastik riċiklati.
Il-Kap Eżekuttiv tal-HSBC Mark Watkinson qal li dan il-monument joffri tifkira viżwali li l-ilma hu riżors mill-aktar prezzjuż. Il-Maltin jużaw medja ta’ 135 litru ta’ ilma kuljum u madwar kwart minn dan l-ilma jkun ifflaxxjat fid-drains. Din l-informazzjoni hi parti minn kampanja li l-istudenti ta’ dan il-Kulleġġ qed jagħmlu fost ir-residenti ta’ Raħal Ġdid biex iwasslu l-messaġġ favur il-konservazzjoni tal-ilma u kontra l-ħela.
Il-Progamm tal-Ilma tal-HSBC qed isir bi sħab ma’ Earthwatch, il-WaterAid u l-World Wildlife Fund u hu mifrux fuq ħames snin, b’investiment ta’ $100 miljun. Dan il-programm joffri wkoll fondi lill-għaqdiet karitattivi li jieħdu ħsieb proġetti tal-ilma li jkunu proposti mill-impjegati tal-HSBC.
//= $special ?>