Kultura Lokali

Riorganizzazzjoni u ‘branding’ ġdid għall-Kunsill tal-Kultura u l-Arti

Il-Kunsill Malti tal-Kultura u l-Arti issa se jibda jissejjaħ l-Arts Council Malta. Dalgħodu saret it-tnedija tar-riorganizzazzjoni tal-entità u l-branding il-ġdid tal-Kunsill, filwaqt li ġiet imnedija wkoll id-dar il-ġdida tal-Kunsill, li tinsab f’Casa Scaglia, fi Triq Mikiel Anton Vassalli l-Belt.

Id-dettalji ngħataw miċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Arti Albert Marshall, propju fil-kwartieri l-ġodda tal-Kunsill, fil-preżenza tal-Ministru responsabbli mill-Kultura Owen Bonnici u numru ta’ artisti. Marshall iddeskriva din id-dar bħala t-tokk tal-kultura Maltija u appella lill-artisti biex jgħinu lill-Kunsill ħalli dan ikompli jkun suċċess.

Filwaqt li ċ-Chairman tal-Kunsill qal li pajjiżna għandu jadotta approċċ ġdid li bih inħarsu lejn l-aspett kulturali ta’ pajjiżna, il-Ministru Bonnici spjega li din id-dar hi frott tax-xogħol li sar matul is-sena li għaddiet fil-qasam kulturali. Sostna li minbarra l-bini, anke r-riorganizzazzjoni tal-Kunsill Malti għall-Arti għandha tkun it-tokk għall-għaqdiet kulturali f’pajjiżna.

Il-Ministru Bonnici appella lill-għaqdiet kulturali biex jaħdmu flimkien u jingħaqdu taħt il-kappa waħda tal-Kunsill Malti għall-Arti. Bonnici qal li kull sold li hemm allokat għall-kultura jeħtieġ li nimmassimizzawh. Barra minnhekk, hu fisser kif fil-qasam kulturali il-politiku għandu jżomm pass lura u ma jkunx hu li jiddetermina l-messaġġ kulturali tal-pajjiż.

Il-Kunsill Malti għall-Arti se jiżviluppa b’tali mod li jkun responsabbli mill-avvenimenti nazzjonali u jkun l-inkubatur li permezz tiegħu nimxu ‘l quddiem fl-aspett kulturali ta’ pajjiżna, temm jgħid il-Ministru Bonnici.