Lokali

Sal-2020 pajjiżna mhux se jilħaq il-miri tiegħu fir-riċerka u l-iżvilupp

Fl-aħħar snin pajjiżna qarreb lejn il-miri tal-istrategija Ewropa 2020 f’dak li għandu x’jaqsam mal-edukazzjoni, ix-xogħol u l-enerġija, speċjalment l-energija li tiġġedded. Madankollu l-projezzjonijiet qed juru li sal-2020 pajjiżna mhux se jilħaq il-miri tiegħu fir-riċerka u l-iżvilupp, it-tibdil fil-klima kif ukoll it-tnaqqis tal-faqar.

Dan ħareg minn laqgħa ta’ konsultazzjoni li saret mill-Kunsill Malti ghall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, l-MCESD preseduta mic-Chairman tal-MCESD John Bencini u li għaliha attendiet il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, l-Affarijiet tal-Konsumatur u l-Libertajiet Ċivili Helena Dalli.

Din il-laqgħa mmarkat il-bidu ta’ proċess ta’ konsultazzjoni pubblika dwar l-Istrategija 2020 tal-Kummissjoni Ewropea, liema proċess se jibqa’ għaddej għas-sitt xhur li ġejjin u għandu l-għan li s-soċjeta’ ċivili tkun aġġornata dwar dak li qed isir, għadu jrid isir kif ukoll dak li kellu jsir imma ma sarx b’rabta ma din l-istrateġija.

L-Istrategija Ewropa 2020 ġiet varata fl-2008 u hi serje ta’ riformi fl-Unjoni Ewropea wara l-kriżi finanzjarja. Permezz ta’ din l-istrateġija, l-għan tal-Unjoni Ewropea hu li tgħin lis-settur bankarju jerġa’ jsib saqajh, tistabbilixxi sistema xierqa ta’ superviżjoni ekonomika u finanzjarja, tagħti assistenza lil dawk il-pajjiżi li jinsabu l-iktar fil-bżonn u ddaħħal lill-Unjoni Ewropea bħala entita’ sħiħa kif ukoll lill-istati membri tagħha fi stat ta’ tkabbir u ta’ ħolqien tax-xogħol.