Żewġt aħwa Sirjani li huma residenti Malta baqgħu miżmumin taħt arrest preventive wara li ġew mixlijin quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja li sawtu lis-sekonda-kuġin tagħhom.
Shawakh Kasem ta’ 38 sena u ħuh Kasem Kasem ta’ 37 sena, li joqgħodu San Ġwann u l-Marsa rispettivament, kienu mixlijin li nhar it-Tnejn li għadda 26 ta’ Mejju, għall-ħabta tat-8.00 p.m., f’San Ġwann għamlu ħsara fil-persuna ta’ Faisal Alhamad.
Fl-awla, l-Ispettur Saviour Baldacchino, li flimkien mal-Ispettur Daryl Borg mexxa l-Prosekuzzjoni, spjega kif il-vittma kien jinsab fil-periklu tal-mewt u li għadu fil-preżent miżmum l-isptar Mater Dei.
L-Avukat Jason Gale li qed jidher għall-akkużati qal li l-allegat vittma hedded liż-żewġt aħwa b’messaġġi fuq it-telefone ċellulari tagħhom u anke mar id-dar ta’ Shawakh Kasem biex jieħu l-liġi b’idejh.
L-argument bejn iż-żewġ naħat x’aktarx li nqala fuq xi flus li ż-żewġt aħwa kellhom jagħtu lill-akkużat, Alhamad b’rabta max-xogħol tal-kisi li jaħdmu fih.
Waqt li l-Pulizija oġġezzjonat għall-ħelsien mill-arrest tagħhom minħabba li għad iridu jkellmu lill-vittma, l-Avukat Galea nforma lill-Maġistrat Bugeja li kienu l-klijenti tiegħu li ħaduh l-isptar u għalhekk li kieku riedu jkellmuh setgħu għamlu dan liberalment.
Huwa qal ukoll li ż-żewġ akkużati ilhom is-snin jgħixu Malta, għandhom il-familja hawn u m’hemmx biża’ li jaħarbu lura pajjiżhom għax dan jinsab għaddej mill-inkwiet.
Wara li l-Pulizija baqgħet tinsisti li ż-żewġ akkużati jibqgħu arrestati taħt arrest preventive u fela l-kondotta tagħhom, il-Maġistrat Bugeja iddeċieda li għalissa ma jagħtihomx il-liberta’ proviżorja u b’hekk ittieħdu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin jistennew li jibda jinstema l-każ.
//= $special ?>

