Hekk kif kmieni dalgħodu spiċċa l-proċess tal-għadd tal-voti u saru magħrufa min huma s-sitt Membri Parlamentari Ewropej Maltin, numru ta’ organizzazzjonijiet awguraw lill-MEPs eletti.
Fi stqarrija l-Moviment Nisa Partit Nazzjonalista (MNPN) feraħ lis-sitt rappreżentanti ta’ pajjiżna fil-Parlament Ewropew, b’mod partikolari lill-erba’ nisa eletti. Dan hekk kif din kienet l-ewwel elezzjoni li l-maġġoranza tal-eletti huma nisa. Il-MNPN qal li dawn issa se jirrappreżentaw lil pajjiżna wara li ngħataw il-fiduċja mill-elettorat.
Il-MNPN esprima wkoll is-sodisfazzjon tiegħu għall-fatt li l-PN laħaq il-mira li kellu biex jeleġġi tliet MEPs. Qal li din l-elezzjoni hi konferma tax-xogħol tal-MEPs Nazzjonalisti u apprezzament tal-elettorat lejn dak li wettqu għall-ġid ta’ pajjiżna.
Filwaqt li rringrazzja lil Roberta Metsola u David Casa għall-ħidma tagħhom matul il-leġislatura li għaddiet u awguralhom għal din li ġejja, il-Moviment awgura lil Therese Comodini Cachia wara l-elezzjoni tagħha. Il-MNPN irringrazzja wkoll lill-Kap tal-PN Simon Busuttil għad-dedikazzjoni, is-serjetà u l-impenn li bih qed imexxi lill-Partit flimkien mal-kumplament tal-Amministrazzjoni. Il-Moviment sellem ukoll lit-tmien kandidati l-oħra tal-PN għall-ħidma tagħhom.
Anke l-Kunsill Nazzjonali tan-Nisa, fi stqarija, qal li laqa’ bil-ferħ l-elezzjoni tal-erba’ nisa Maltin bħala MEPs. Il-Kunsill qal li l-impenn tiegħu biex in-nies ikunu jafu aktar min huma l-kandidati nisa ssarraf fil-ġid. Appella wkoll lill-kandidati eletti biex iżommu f’moħħhom li l-fiduċja li ngħataw kienet biss mislufa mill-poplu Malti u Għawdxi kollu.
Min-naħa tagħhom, in-Nisa Laburisti (NL) wkoll sellmu lill-kandidati nisa eletti. Issemmiet il-bidla mill-kultura tradizzjonali għal waħda ġusta b’bilanċ bejn iż-żewġ sessi. Dan wara li fl-ewwel għadd il-kandidati nisa kisbu bejniethom 34% tal-voti, jew żieda ta’ 15% fuq l-2009. L-istqarrija kienet iffimata mill-eks MEP Laburista u President tan-NL Claudette Abela Baldacchino.
Sadanittant, anke l-Kamra tal-Avukati ferħet lill-kandidati eletti. Il-Kamra sellmet b’mod partikolari lil tlieta mill-kandidati, Therese Comodini Cachia, Miriam Dalli u Roberta Metsola li huma wkoll avukati. Il-Kamra tal-Avukati awguratilhom biex jaħdmu flimkien fl-interess ta’ pajjiżna.
//= $special ?>