Il-playmaker Olandiż Rafael van der Vaart se jitlef it-Tazza tad-Dinja minħabba injury fil-pexxul. Il-captain ta’ Hamburg kien qed jittama li jieħu sehem fit-tielet edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja fil-karriera tiegħu imma mhux se jagħmel dan għax mhux se jilħaq jirkupra minn din l-injury. Erba’ snin ilu Van der Vaart kien parti mill-iskwadra li waslet sal-finali fl-Afrika t’Isfel, finali li l-Olanda tilfet kontra Spanja. Ta min jinnota li Van der Vaart kien l-aktar player, mill-iskwadra ta’ 23 magħżula, li lagħab mat-tim nazzjonali Olandiż. B’kollox dan libes il-flokk ta’ pajjiżu għal 109 darbiet. Matul l-istaġun li għadda Van der Vaart għen lil Hamburg jevitaw ir-relegazzjoni. L-Olanda, fil-fażi tal-gruppi se tlgħba kontra ċ-Ċili, Spanja u l-Awstralja.
Lahm jirritorna għat-taħriġ
Il-captain tal-Ġermanja Philipp Lahm irritorna għat-taħriġ u din hi aħbar mill-aqwa skont it-team manager Oliver Bierhoff. Il-player ta’ Bayern Munich kien qed isofri minn uġiegħ fl-għaksa u hekk kif fadal 14-il jum għall-bidu tat-Tazza tad-Dinja dan issa qed jittħarreġ b’mod regolari. Player ieħor ta’ Bayern li qed jittama li jkun f’kundizzjoni tajba għall-ewwel logħba tal-Ġermanja hu Bastian Schweinsteiger. Dan tal-aħħar għandu injury f’irkopptu filwaqt li l-goalkeeper Manuel Neuer, li għandu injury fi spaltu, mhux qiegħed mal-kumplament tal-iskwadra li se tattendi kamp ta’ taħriġ fl-Italja. Fil-fażi tal-gruppi l-Ġermanja se tilgħab kontra l-Portugall, il-Ghana u l-Istati Uniti.
Intant, Benedikt Hoewedes u Julian Draxler kienu involuti f’inċident tat-traffiku fit-Tramuntana tal-Italja. Iż-żewġ players kienu passiġeri f’karozzi separati imma fortunatament għalihom ma weġġgħux. Waħda mill-karozza kienet misjuqa minn Pascal Wehrlein u l-oħra mis-sewwieq tal-Formula 1 Nico Rosberg, rebbieħ tal-Grand Prix ta’ Monaco ta’ nhar il-Ħadd li għadda.
Irid isikket lil dawk li ikkritikawh
Il-goalkeeper tal-Brażil Julio Cesar qal li se jagħmel minn kollox biex isikket lil dawk li tul dawn l-aħħar xhur ikkritikawh u qalu li ma kienx ħaqqu post mal-iskwadra finali ta’ Luis Felipe Scolari.
“Naf li hemm ħafna min hu xettiku dwari imma jien inħossni tajjeb għal logħob. Minkejja li ma lgħabtx fl-aqwa kampjonti tul dawn l-aħħar xhur dejjem tajt il-massimu tiegħi bejn il-lasti ta’ pajjiżi u hekk se nerġa’ nagħmel fil-ġimgħat li ġejjin,” qal Cesar.
Wara l-esperjenza tiegħu ma’ Inter Cesar mar jilgħab ma’ Queens Park Rangers li kienu ġew relegati għal The Championship filwaqt li f’Jannar Cesar ingħaqad mal-klabb Kanadiż ta’ Toronto.
“Meta bdejt nilgħab il-Kanada ħafna qalu li kont se nilgħab f’kampjonat tal-‘Mickey Mouse’. Min ma jsegwix il-kampjonat ma jafx x’livell hemm u fl-ewwel seba’ partiti qlajt disa’ gowls u dan juri x’livell hemm, anke jekk minn naħa tiegħi is-seba’ gowls li qlajt inkwetawni ħafna,” kompla jgħid l-eks goalkeeper ta’ Chievo.
Erba’ snin ilu Cesar kien ikkiritkat bl-aħrax meta fil-kwarti tal-finali kontra l-Olanda kien għamel żball kbir li wassal għall-ewwel gowl tal-Olanda, li eventwalment eliminaw lill-Brażiljani. “Inħossni aktar ippreparat milli kont erba’ snin ilu. Barra minn hekk għandi aktar esperjenza,” temm jgħid Cesar.
Iħejju b’rebħa
L-Istati Uniti u Franza kisbu rebħiet ta’ 2-0 u 4-0 rispettivament kontra l-Azerbaijan u kontra n-Norveġja f’partiti ta’ ħbiberija bi preparazzjoni għat-Tazza tad-Dinja. Għall-Istati Uniti skurjaw iż-żewġ sostituti Mikkel Diskerud u Aron Johannsson, it-tnejn li huma fit-tieni taqsima. Issa l-Amerikani jonqoshom jilagħbu żewġ logħbiet oħra ta’ ħbiberija qabel ma jibdew jilagħbu fit-Tazza tad-Dinja. Dan l-aħħar fl-Istati Uniti kien hemm kemmxejn ta’ kotroversja wara li l-kowċ nazzjonali Jurgen Klinsmann ħalla barra mill-iskwadra finali lil Landon Donovan, l-aqwa skorer fl-istorja tal-pajjiż. F’partita oħra Franza sabitha faċli biex rebħet 4-0 kontra n-Norveġja. Għat-tim immexxi minn Didier Deschamps skurjaw Remy, Pogba u tnejn Giroud.