Lokali

88 voluntier jingħaqdu mal-Protezzjoni Ċivili

Grupp ta’ 88 voluntier ingħaqdu fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u waqt iċ-ċerimonja biex dawn il-voluntiera jieħdu l-ġurament, il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Manwel Mallia rringrazzja lil dawn il-voluntiera, li se jiddedikaw ħinhom għall-ġid taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin. Minbarra t-88 voluntier li daħlu fix-xhur li għaddew, diġà ngħaqdu bħala voluntiera mal-Protezzjoni Ċivili 80 persuna oħra.

L-interess tal-voluntiera hu rifless fin-numri ta’ applikanti li dejjem qed jikber meta joħorgu sejħiet għal xogħolijiet fil-korpi dixxiplinati u dan l-interess hu pass pożittiv. Fil-każ tal-Protezzjoni Ċivili, dalwaqt se jingħaqdu aktar persuni li jaħdmu fuq bażi full-time. Manwel Mallia qal li hu ġust li min ilu jagħti volontarjat fi ħdan il-Protezzjoni Ċivili, ikollu l-opportunità jagħmel dan fuq bażi full-time.

Il-Ministru Mallia qal li għaddejja ħidma kontinwa biex jiżdiedu kemm ir-riżorsi umani, kif ukoll l-apparat fil-korpi dixxiplinati kollha. Iżda, qal li l-akbar impenn tal-Gvern hu dak li jagħti drittijiet mistħoqqa lill-membri tal-Korpi Dixxiplinati. Għalhekk, il-korpi dixxiplinati Maltin dalwaqt ikollhom id-dritt jissieħbu f’union tal-għażla tagħhom, hekk kif issa beda l-ewwel qari ta’ din il-Liġi.

Il-Kap tal-Protezzjoni Ċivili John Rizzo rringrazzja lill-voluntiera u qal li skond il-Liġi l-voluntiera wkoll iridu jagħmlu kors ta’ sena. John Rizzo qal li dawn il-voluntiera se jkunu qed jgħinu lill-Protezzjoni Ċivili, kemm fuq bażi lokali kif ukoll internazzjonali.