Lokali

Editorjal: Mira milħuqa li tagħti kuraġġ u bilanċ

Il-kisba tat-tielet siġġu għall-Partit Nazzjonalista, nofs is-sitta li Malta għandha fil-Parlament Ewropew, kienet riżultat importanti u l-ilħuq tal-mira ewlenija tal-Partit Nazzjonalista u tal-Kap tiegħu, Simon Busuttil, għal din l-elezzjoni: żieda ta’ siġġu.

Żieda ta’ siġġu għall-Partit Nazzjonalista
Ma’ Roberta Metsola u David Casa qabilha, issa tiżdied Therese Comodini Cachia biex, għall-ewwel darba, il-Partit Nazzjonalista jikkontribwixxi tliet siġġijiet, wieħed aktar, lill-Partit Popolari, l-akbar partit fil-Parlament Ewropew.

Sodisfazzjonijiet li jridu jkunu bilanċjati mad-diżappunt
Dawn huma żewġ sodisfazzjonijiet li kiseb il-Partit Nazzjonalista f’din l-elezzjoni – żieda ta’ siġġu f’familja ta’ partiti li baqgħet l-akbar forza politika madwar l-Ewropa – sodisfazzjonijiet li jridu jkunu bilanċjati mal-fatt li bħala voti kellu diżappunt.

Analiżi tal-affarijiet kif inhuma
U hu dan il-bilanċ li jrid ikompli jispira lill-Partit Nazzjonalista biex jara l-affarijiet kif inhuma wara dan ir-riżultat – u la jmur f’estrem u lanqas f’ieħor. Żieda ta’ siġġu mat-tnejn li dejjem kellu imma avvanz minimu biss fil-voti, bil-kontra ta’ kif xtaq.

Mistoqsijiet imwieġba sew
U l-bilanċ iwassal biex it-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista tiffoka fuq l-elementi li trid ittejjeb ħalli mid-diżappunt toħroġ it-tagħlima u l-azzjoni. U tistaqsi: x’kien hemm fil-messaġġ tal-Partit Nazzjonalista, fil-mod kif iwassal il-messaġġ, fid-dehra tal-Partit Nazzjonalista, fil-magna organizzattiva tiegħu li messu kien aħjar?

Idea ħażina li issa ħadd ma jista’ jikkritika lill-gvern
U dawn, ma’ mistoqsijiet oħrajn naturalment, tweġibhom bil-ġenwinità bla ma tibda taħseb li fid-dinja tal-bnedmin hawn xi ħaġa kollha tajba jew kollha ħażina. U bla ma tibla’ l-messaġġ li qed jipprova jwassal il-Labour li allura issa għax f’sena rebaħ żewġ maġġoranzi ta’ 55, u issa 53, fil-mija, allura mela ħadd ma jista’ jikkritikah.

Ħażin ikkritikat anke minn min soltu jappoġġja l-Gvern
Ir-raġuni u l-bilanċ jgħidulna li żgur li l-Gvern Laburista għamel affarijiet tajbin – imqar fejn baqa’ miexi fuq il-ħafna tajjeb li wiret minn ta’ qablu – imma għamel ukoll il-ħażin fi kwistjonijiet li fihom kien ikkritikat anke minn nies li soltu jappoġġjawh.

Deċiżjonijiet ċari u sodi għall-ġid tal-istampa usa’, il-pajjiż
Dan il-bilanċ fl-analiżi jagħmel il-kuraġġ lil kulħadd li mbagħad jistgħu jittieħdu d-deċiżjonijiet it-tajbin – mhux imxejrin mill-irwiefen tal-emozzjoni u l-estremitajiet – imma ċari u sodi u mhux għall-Partit Nazzjonalista biss imma wkoll għall-pajjiż.

Rwol essenzjali dwar id-deċiżjonijiet li jorbtuna lkoll u li jonfqu flusna
Għax l-Oppożizzjoni hi istituzzjoni ewlenija fid-demokrazija biex turi fejn il-Gvern ikun qed jieħu deċiżjonijiet ħżiena li jorbtu lilna lkoll – għax dak hu l-gvern – u fejn flusna lkoll ikunu qed jintefqu ħażin. U dak hu rwol essenzjali għall-pajjiż.