Internazzjonali

‘False alarm’ dwar l-ajruplan tal-Malaysia Airlines li għeb

Fix-xhur ta’ Marzu u April, l-aħbarijiet kienu ddominati mit-tfittxija għat-titjira MH370 tal-Malaysia Airlines, kif ukoll kif l-uffiċjali responsabbli mit-tfittxija kienu qed jisħqu li jista’ jkun li permezz tar-radar identifikaw il-post fejn l-ajruplan seta’ ġġarraf fl-Oċean Indjan.

Iżda issa, dan irriżulta fin-negattiv, bl-awtoritajiet Awstraljani jikkonfermaw li fil-post minn fejn kien qed jingħad li qed jaslu ħsejjes li setgħu kienu ġejjin mill-kaxxa s-sewda tal-ajruplan, m’hemm xejn. Dan kien stabbilit wara li r-Robot li tniżżel f’qiegħ il-baħar biex jagħmel tfittxija lesta l-missjoni tiegħu.

Għalhekk, it-tfittxija għal dan l-ajruplan, li kien sparixxa b’239 persuna abbord, trid terġa’ tibda mill-bidu.