Internazzjonali

Ftehim dwar taħditiet sensittivi rigward l-Iraq

IR-RENJU UNIT

Se jkunu ppubblikati dettalji dwar ‘is-sustanza’ tat-taħditiet li saru bejn l-eks-Prim Ministru Laburista Britanniku, Tony Blair, u l-eks-President Amerikan, George W. Bush, qabel faqqgħet il-Gwerra tal-Iraq tal-2003. Madankollu l-pubblikazzjoni se jkollha diversi dettalji neqsin wara argumenti dwar ‘x’għandu joħroġ u x’għandu jibqa’ mistur’.

Dan joħroġ mill-investigazzjoni li mexxa Sir John Chilcot, u meta għaddejja wkoll ‘kunsiderazzjoni dettaljata’ tal-materjal li għandu jkun żvelat lill-pubbliku.

Intant, sar qbil dwar il-prinċipji relatati għall-pubblikazzjoni ta’ kwotazzjonijiet u siltiet mit-taħditiet – madankollu m’humiex se joħorġu ‘d-dokumenti kompluti’, inkella t-transcripts tat-taħditiet bejn Blair u Bush.

Id-dokumenti jinkludu 25 nota mingħand Blair lil Bush u ‘l fuq minn 130 record tat-taħditiet speċifiċi ta’ qabel il-gwerra kontra l-eks-reġim Iraqi ta’ Saddam Hussein.