Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Ewropa Lokali

Il-GRTU sodisfatta bil-grupp ta’ Ewro Parlamentari Maltin

Il-Kamra Maltija għall-Intrapriżi Żgħar u Medji (GRTU) espremiet is-sodisfazzjon tagħha għall-grupp ta’ individwi validi li ġew eletti biex iservu fil-Parlament Ewropew.

Il-GRTU temmen li dan il-Grupp se jġib suċċess għal pajjiżna u se jkun effettiv fit-tħaris tal-interessi tal-intrapiżi żgħar u medji.

Il-GRTU fissret, fi stqarrija, li hi kienet attiva ħafna matul il-kampanja tal-elezzjonijet tal-Parlament Ewropew u rnexxielha tpoġġi l-prijoritajiet tal-membri tagħha fuq l-aġenda.

Fost oħrajn, il-GRTU talbet li l-Ewro Parlamentari eletti jżommu kuntatt mar-rappreżentanti tan-negozju sabiex jassiguraw li huma jafu kif il-proposti ġejjin mill-Unjoni Ewropea se jaffettaw lill-intrapriżi lokali.

Il-GRTU ukoll enfasizzat dwar l-importanza li wieħed jaħseb fiż-żgħir u jagħti kas għall-esiġenzi ta’ Malta u n-negozji Maltin u mhux ikun applikat il-kunċett ta’ one-size-fits all.

Fost dawk li ġew eletti hemm tliet Ewro Parlamentari li magħhom il-GRTU diġa’ tgawdi relazzjonijiet eċċellenti ta’ xogħol u li magħhom  kellha opportunita’ li taħdem għall-benefiċċju tal-membri tagħha. Il-GRTU qed tħares ‘il quddiem biex testendi din l-opportunita’ lill-Ewro Parlamentari eletti l-ġodda kif ukoll se ssaħħaħ ir-relazzjonijiet eċċellenti.

Il-GRTU temmen li l-grupp ta’ ewro parlamentari għandhom l-aħjar kredenzjali u esperjenza li minnha nnifisha hi promettenti. Il-Kamra sostniet li s-sitt rappreżentanti Maltin għandhom jaħdmu flimkien bħala grupp sabiex jassiguraw li Malta hi rappreżentata b’mod effettiv.

Il-GRTU se tkun qed tistieden lill-Ewro Parlamentari għal laqgħa sabiex tkun stabbilita relazzjoni ta’ xogħol għall-ħames snin li ġejjin.