Ilbieraħ, fl-ewwel laqgħa tal-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi (PAC) fil-Parlament wara li ngħata r-Ruling mill-iSpeaker dwar id-dritt tal-PAC li jagħmel skrutinju tal-kuntratt bejn il-Gvern u l-kumpanija Henley & Partners dwar l-iskema taċ-ċittadinanza, il-Gvern ċaħad għal darb’oħra l-proposta tal-Oppożizzjoni li jsir skrutinju tal-kuntratt.
Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista sostna li r-Ruling tal-iSpeaker jafferma li l-PAC għandu kull dritt jitlob li jsir skrutinju dwar kuntratt pubbliku. Jekk iċ-Chairman tal-PAC jikkunsidra li l-kuntratt għandu xi informazzjoni ta’ natura kummerċjalment sensittiva jew li saħansitra timpinġi fuq is-sigurtà nazzjonali, għandu jżomm dawn id-dettalji milli jiġu ppubblikati. Iċ-Chairman jista’ jagħżel li jikkonsulta lill-iSpeaker f’deċiżjonijiet bħal dawn.
Fl-isfond ta’ dan ir-Ruling, iċ-Chairman tal-PAC Tonio Fenech ippropona li minħabba dikjarazzjonijiet li saru mill-Ministru responsabbli li l-pubblikazzjoni tal-kuntratt jista’ jkollu mpatt fuq is-sigurtà nazzjonali, il-PAC għandu jaqbel li filwaqt li jitlob li jsir skrutinju fuq il-kuntratt imsemmi, dan għandu l-ewwel jiġi studjat mill-iSpeaker, iċ-Chairman tal-PAC u rappreżentant tal-Gvern biex isir qbil fuq liema partijiet mill-kuntratt jistgħu jiġu ppubblikati.
Il-Gvern għażel li jivvota kontra din il-proposta u baqa’ jfittex kull skuża biex jipposponi li jsir l-iskrutinju meħtieġ billi qal li din id-diskussjoni ma kellhiex titqies bħala urġenti u li l-istess talba għandha ssir biss wara li tiġi eżawrita l-aġenda kollha tal-PAC. Dan sar biex il-Gvern ikompli jipposponi u jostakola kwalunkwe skrutinju fuq il-kuntratt li għamel mal-kumpanija Henley & Partners.
Il-PN fakkar kif dan mhux l-ewwel tentattiv tal-Gvern li jipprova jipposponi skrutinju fuq il-kuntratt li sar bejnu u l-kumpanija Henley & Partners. Il-PN fakkar li:
– il-Ministru responsabbli rrifjuta mill-ewwel li jippubblika l-kuntratt;
– meta ġie mitlub jippubblika l-kuntratt fil-PAC, il-Ministru Owen Bonnici informa ħażin lill-membri tal-Kumitat billi sostna li kien hemm Digriet tal-Qorti li jżomm dan il-kuntratt milli jiġi ppubblikat. F’Ruling, l-iSpeaker iddikjara li l-Kumitat kellu kull setgħa li jagħmel skrutinju ta’ dan il-kuntratt; u
– ilbieraħ il-Gvern uża s-saħħa tal-maġġoranza tal-vot tiegħu fil-PAC biex jirrifjuta talba leġittima mill-Kumitat ħalli jiġi ppubblikat il-kuntratt fl-interess tat-trasparenza.
Jekk il-Gvern għandu għal qalbu t-trasparenza, għandu minnufih jieqaf jipprova jfixkel ix-xogħol tal-PAC u jissottometti għall-iskrutinju l-kuntratt li sar minnu mal-kumpanija Henley & Partners. Id-deċiżjoni tal-Gvern ilbieraħ tkompli tikkonferma li hu skomdu jippubblika dan il-kuntratt, ittemm tgħid l-istqarrija.
//= $special ?>