Lokali Saħħa

Il-MAM imħassba dwar is-sitwazzjoni fl-Onkoloġija

L-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) iddikjarat li tinsab imħassba dwar is-sitwazzjoni fil-qasam tal-Onkoloġija, b’mod partikolari fl-Isptar Boffa, u fl-istess ħin appellat lill-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) biex tkun parti mis-soluzzjoni u mhux parti mill-problema. Fi stqarrija, il-President tal-MAM Martin Balzan qal li l-azzjonijiet industrijali li l-MUMN qed twissi li lesta tordna fl-Isptar Boffa, fl-aħħar mill-aħħar iwasslu għal inkwiet żejjed għall-pazjenti morda bil-kanċer u l-qraba tagħhom, kif ukoll għall-pubbliku ġenerali.

Fl-aħħar sigħat, l-MUMN qalet li lesta tagħti direttivi lill-membri tagħha għax is-sitwazzjoni f’dan l-Isptar qed twassal għal tbatija għall-pazjenti. L-MUMN qalet li din is-sitwazzjoni hi kkawżata minn nuqqas ta’ spiżjara u pharmacy technicians fl-Isptar Boffa, li qed jaħdem mingħajr Management.

Min-naħa tagħha, fi stqarrija l-MAM qalet li l-istatistika uffiċjali turi li f’Malta għandna rati għoljin ta’ kura għall-kanċer meta mqabbel mal-maġġoranza tal-pajjiżi l-oħra tal-UE. F’xi każi, ir-rati huma wkoll aħjar. Il-MAM tenniet li mhix l-intenzjoni tagħha li tiddomina pożizzjonijiet maniġerjali fl-iStrategic Business Unit li qed jiġi propost mill-Gvern biex imexxi l-Isptar Boffa. Filwaqt li ammettiet li l-problemi msemmija mill-MUMN qegħdin hemm u qablet mal-MUMN li l-waiting lists għall-kimoterapija jridu jiġu ndirizzati bis-serjetà, il-MAM sostniet li s-soluzzjoni tinstab billi wieħed ipoġġi madwar mejda u jiddiskuti l-problemi fl-interess ġenwin tal-pazjenti.

Il-President tal-MAM qal li mhux ir-rwol ta’ xi union jew assoċjazzjoni professjonali li jieħdu f’idejhom it-tmexxija ta’ istituzzjoni permezz ta’ tattiċi ta’ bullying u fil-proċess jirriskjaw li jikkompromettu serjament il-kura lill-pazjenti għax finalment jispiċċaw huma stess parti mill-problema ta’ Management li jkunu qed jippruvaw isolvu.