Qorti

Il-psikjatra maħtur mill-Qorti fil-każ ta’ tislib ta’ annimali domestiċi fil-Mosta hu mejjet, jinħatar ieħor

Meta kellha tkompli tinstema’ l-kumpilazzjoni fil-Qorti fil-każ kontra Nicholas Grech, li jinsab mixli li fuq diversi snin qatel u sallab diversi qtates u klieb fil-Mosta, din kellha tieqaf ħesrem minħabba li kellu jinħatar psikjatra ieħor li jeżamina lill-akkużat. Dan għaliex dak maħtur mill-Qorti biex jeżaminah, Joe Pisani, ħareġ li llum hu mejjet.

Għalhekk, issa nħatret il-psikjatra Ethel Felice biex tieħu postu u teżamina lill-akkużat. Pisani, flimkien mal-psikjatri Peter Muscat u David Cassar, kellhom iħejju rapport dwar Grech. Issa dan il-każ ġie differit għat-12 ta’ Ġunju li ġej, meta mistenni jkun ippreżentat dan ir-rapport.

Nicholas Grech, ta’ 37 sena mill-Mosta u hu Inġinier mal-Korporazzjoni Enemalta, qed jiġi mixli bi krudeltà fuq l-annimali meta wettaq atti makabri f’dawn l-aħħar sentejn u nofs fil-Mosta stess. Quddiem il-Maġistrat Peralta, Grech qed iwieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih.

Hu qed jiġi mixli wkoll b’moħqrija ta’ annimali, bi qtil ta’ annimali domestiċi, li għamel vjolazzjoni ta’ oqbra, li kasbar ir-reliġjon Kattolika u li daħal fil-Knisja tal-Mosta jew fil-Grotta tal-Kappella tal-Isperanza.

Il-każ hu dwar serje ta’ qtil tal-annimali, li kienu jinstabu msallbin f’diversi nħawi differenti tal-Mosta. 14-il annimal instabu mejtin u msallbin bejn Settembru 2011 u Marzu 2014. L-akkużat kien tressaq il-Qorti fl-20 ta’ Marzu li għadda.

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Edmond Curmi u Joseph Busuttil. L-Avukat Martin Fenech qed jidher għall-akkużat.