Lokali

Il-UĦM f’tilwima industrijali mal-Malta Public Transport Services

It-Taqsima Port u Trasport tal-Union Ħaddiema Magħqudin (UĦM) irreġistrat tilwima industrijali mal-Malta Public Transport Services, li ħadet post il-kumpanija Arriva Malta. Il-UĦM għamlet dan f’ittra mibgħuta lill-kumpanija u lid-Direttur tar-Relazzjonijiet Industrijali u Mpjiegi.

Dan wara li fil-jiem li għaddew, il-ħaddiema tal-kumpanija li ħoloq il-Gvern għażlu li jissieħbu mal-UĦM biex tkun il-union li tirrappreżentahom għax kienu ddiżappuntati mis-servizz tal-union li kienet tirrappreżentahom qabel.

Fi stqarrija, il-UĦM qalet li minkejja dan, il-kumpanija Malta Public Transport Services qed tonqos milli taċċetta d-deċiżjoni demokratika tal-ħaddiema u tibda l-proċess tal-verifika. Min-naħa tagħhom, jirriżulta li anke l-ħaddiema jinsabu mħassba dwar l-aġir tal-kumpanija, li tidher li qed tkaxkar saqajha biex twettaq dan il-proċess.

Il-UĦM qalet li l-ħaddiema tal-kumpanija qed jippruvaw jifhmu l-interess li jista’ jkollha l-kumpanija fuq l-għażla tal-union tal-ħaddiema.