Lokali Saħħa Xjenza u Teknoloġija

Inawgurat Ċentru għall-Ipproċessar tad-Demm

Bħala parti mill-proġett ta’ titjib tal-Bank tad-Demm fi Gwardamanġa, kien inawgurat Ċentru għall-Ipproċessar tad-Demm li jinkludi apparat modern tal-ogħla standards Ewropej fosthom dawk li jissepara  id-demm f’komponenti u dawk li jinfiltraw id-demm. Minn kull borza demm jittieħdu tliet prodotti.

Iċ-Ċentru għall-Ipproċessar tad-Demm kien inawgurat mis-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa Chris Fearne fil-preżenza ta’ Alex Aquilina, id-Direttur tal-Bank tad-Demm u impjegati oħra tal-Bank tad-Demm.

Hu stmat li kull sena joħorgu madwar 25,000 unit ta’ demm. Matul is-sena li għaddiet kien hemm 8,000 donatur tad-demm li bejniethom taw 16,500 unit ta’ demm.

Is-Segretarju Parlamentari Chris Feare ippreżenta l-liċenzja taċ-Ċentru tal-Ipproċessar tad-Demm lil Alex Aquilina, id-Direttur tal-Bank tad-Demm.

F’kummenti ma dan is-sit, Alex Aquilina qal li hu importanti li wieħed mhux bisss ikollu l-post imma wkoll ikollu l-aħjar sistemi għall-ipproċessar tad-demm. Hu qal li għal dawn l-aħħar snin f’pajjiżna kellna s-sistemi, imma l-post li fih kienet qed issir il-ħidma ma kienx għadu adattat għat-teknoloġija tal-lum. Għalhekk iċ-Ċentru l-ġdid kien importanti biex jintalħqu l-ogħla standards fl-Ewropa.

Alex Aquilina qal li fl-aħħar ġranet kien qed jinħass xi ftit nuqqas ta’ demm minħabba li kien hemm ħafna inċidenti li uħud minnhom kellhom bżonn ħafna demm. Hu qal li dan ma jfissirx li kien hawn xi kriżi ta’ nuqqas ta’ demm, imma li stocks kienu xi ftit baxxi u saru appelli għad-demm. Hu fakkar li kull ġimgħa jkunu meħtieġa bejn 50 u 60 borża demm kuljum u għalhekk tajjeb li d-donaturi jibqgħu jagħtu d-demm b’mod regolari.

Is-Segretarju Parlamentari Fearne kien mistoqsi  minn dan is-sit għaliex il-Blood Transfusion Unit ilha wieqfa ħames xhur fil-pakeġġ ta’ San Vinċenz de Paul. Hu qal li din il-Unit ilha tagħti servizz għal diversi snin u għalhekk issa waslet lejn l-aħħar tas-servizz tagħha. Hu qal li l-Gvern qed jagħmel il-kalkoli jekk għandux jirranġaha b’nefqa sostanzjali, jekk tinxtarax waħda ġdida b’nefqa ta mijiet ta’ eluf ta’ ewro, jew jiddaħħlux sistemi ġodda.

Chris Fearne qal li d-donaturi xorta baqgħu jagħtu d-demm imma issa qed ikollhom imorru fiċ-ċentri għat-trasfuzjoni tad-demm u mhux fil-lokalita’ tagħhom.