L-UKRAJNA
Ġeneral tal-Armata Ukrena u erbatax il-militar tilfu ħajjithom wara l l-helicopter li kienu qed jivvjaġġaw bih ntlaqat u ġġarraf barra l-belt ta’ Sloviansk, li tinsab taħt il-kontroll tal-militanti separatisti li qed jappoġġjaw lir-Russja.
Il-Gvern tal-Ukrajna, aktar tard, qal li s-separatisti użaw ‘l-armamenti Russi għal kontra l-qawwiet tal-ajru’ biex iwaqqgħu dan il-helicopter fl-inħawi fejn qed iseħħu l-battalji ħorox bejn il-militar ta’ Kiev u l-militanti li jridu l-għaqda ma’ Moska.
L-aħħar żviluppi qed jitqiesu bħala daqqa ta’ ħarta kbira għall-Armata u l-Gvern tal-Ukrajna li qed jippruvaw irażżnu lit-‘terroristi’ fl-artijiet Ukreni tal-Lvant – u meta l-President-elett Ukren, Petro Poroshenko, għamilha ċara li ‘għandu jikkonfronta lill-għedewwa bi kwalunkwe mezz possibbli’.
Qabel intlaqat, il-helicopter kien niżżel numru ta’ suldati Ukreni fl-inħawi ta’ bażi militari u bir-rapporti qed jgħidu li l-Ġeneral maqtul, Serhiy Kulchytskiy, kien imexxi t-taqsimiet għat-taħriġ speċjali u l-kumbattimenti mal-Gwardja Nazzjonali tal-Ukrajna.
//= $special ?>