“Jeħtieġ li naħdmu lkoll flimkien u naħsbu f’ħaddieħor, jekk irridu li jkollna ambjent aħjar. M’għandniex biss nitkellmu, iżda nimpenjaw irwieħna u kulħadd għandu jagħmel il-biċċa tiegħu ħalli l-ambjent ta’ għada jkun aħjar milli hu llum”. Dan qalu l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil meta ndirizza l-10 edizzjoni ta’ EkoSkola fil-Parlament.
Simon Busuttil fakkar li aħna lkoll nagħmlu parti minn soċjetà u ħadd mhu maqtugħ għalih waħdu. Hu tkellem dwar l-importanza tal-altruwiżmu u saħaq li jekk naħsbu f’ħaddieħor, anke fl-ambjent, inkunu qed nagħmlu pass ‘il quddiem għall-benefiċċju tal-ġenerazzjonijiet ta’ warajna. Iżda dan kollu jista’ jseħħ, sostna l-Kap tal-Oppożizzjoni, jekk naħdmu flimkien għax jekk nitilfu l-ambjent inkunu tlifnih għal dejjem. Hu saħaq li jekk kulħadd jibża’ għall-ambjent, ikun qed jagħmel differenza.
Fl-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ EkoSkola fil-Parlament, ippreseduta mill-iSpeaker Anġlu Farrugia u organizzata minn Nature Trust Malta, ħadu sehem 76 student minn 38 Skola tal-Primarja u tas-Sekondarja. F’dibattitu parlamentari pożittiv, tqajjmu diversi ideat dwar kif wieħed għandu jtejjeb il-kwalità tal-ħajja fl-iskejjel u fil-pajjiż. Matul is-seduta, l-istudenti qajjmu t-tħassib ambjentali tagħhom u pproponew soluzzjonijiet bħala follow-up għas-Summit Ambjentali taż-Żgħażagħ.
L-EkoSkola fil-Parlament kellha wkoll l-appoġġ tal-Fondazzjoni għall-Edukazzjoni Ambjentali, li tmexxi l-programm EkoSkola, kif ukoll tal-bank HSBC permezz tal-kampanja fl-iskejjel “Catch the Drop“. Il-mozzjoni li nqrat fil-bidu tas-seduta kienet il-qofol tal-attività għax fiha l-istudenti appellaw lill-mexxejja tal-pajjiż biex jagħtu kas tas-suġġerimenti tagħhom u jappoġġjawhom ħalli jittieħdu azzjonijiet konkreti għall-ġid tal-komunità.
Minbarra d-diskorsi tal-istudenti, saru wkoll interventi minn numru ta’ Deputati miż-żewġ naħat tal-Kamra. Id-Deputat Nazzjonalista George Pullicino saħaq dwar l-importanza tal-ilma u fisser kif l-Istat nefaq €300 miljun biex inbnew impjanti tad-drenaġġ f’investiment li sewa biex l-ibħra u l-bajjiet tagħna jkunu ndaf u mingħajr tniġġiż.
Id-Deputat Nazzjonalista Charlò Bonnici faħħar il-proposti konkreti li tressqu mit-tfal u saħaq dwar il-vuċi li għandha tingħatalhom ħalli jkunu aġenti għall-bidla f’pajjiżna. Min-naħa tagħha, il-Kelliema tal-Oppożizzjoni għal Għawdex Giovanna Debono ħeġġet lill-istudenti biex ikomplu jinteressaw ruħhom fil-bidliet neċessarji li qed iseħħu f’pajjiżna. Id-Deputat Nazzjonalista Joe Cassar stqarr li t-tfal jistgħu jkunu edukaturi tal-ġenituri tagħhom biex nagħmlu dinja aħjar.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat għalaq din is-sessjoni ta’ EkoSkola fil-Parlament u saħaq li t-tfal jistgħu jkunu katalisti għall-bidla, anke fil-familji tagħhom. Fi tmiem is-seduta, il-mozzjoni mressqa mit-tfal ġiet approvata unanimament.
//= $special ?>