Sport Sport Ieħor

Jingħata bidu għall-kampjonat Patron Lukoil

POWERBOATS

Fi tmiem il-ġimgħa se jingħata bidu għall-Kampjonat Patron Lukoil. F’San Pawl il-Baħar se jsir l-ewwel minn serje ta’ kompetizzjonijiet b’kollaborazzjoni mal-Malta Powerboat Association u l-Malta Cahurdon Powerboats Association.

Id-dettalji inghataw minn Aaron Ciantar waqt konferenza tal-aħbarijiet li spjega li dan il-Kampjonat huwa intiż mhux biss biex jikber l-għarfien f’dan l-isport iżda wkoll biex joħloq sens ta’ kompetizzjoni għal min isegwi sport li fl-aħħar snin ta’ sodisfazzjon lill-isport Malti.

L-ewwel rawnd tal-Kampjonati se ssir nhar is-Sibt u l-Ħadd li gej mill-11am il quddiem f’San Pawl il-Baħar fejn fl-azzjoni se jkun hemm xejn anqas minn 17 il-tim. Se jkun hemm bosta kategoriji li jiġbru fihom dgħajjes ta’ bejn l-20 u l-25 pied b’single outboard ta’ bejn 200 sa 300 h p. Il-korsa se tkun waħda ta’ erba’ mili fuq ċirkwit ta’ ħames dawriet. It-tieni rawnd ta’ dawn il-kampjonati se jsir fi Sqallija f’Awwissu filwaqt li t-tielet rawnd se jsir f’Settembru fil-Bajja tal-Mellieħa. Ir-raba’ u l-aħħar rawnd se jsir fil-Port il-Kbir f’Novembru.