Grazzi għal diversi inizjattivi tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE), l-ugwaljanza mhux biss bejn is-sessi, tul dawn l-aħħar 10 snin tpoggiet u qed tkompli tinżamm fuq l-aġenda nazzjonali. Dan ħareġ mill-10 konferenza annwali tal-NCPE, li għaliha attendiet ukoll il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, l-Affarijiet tal-Konsumatur u l-Libertajiet Ċivili Helena Dalli, li min-naħa tagħha spjegat kif għaddej xogħol biex il-mandat tal-Kummissjoni jitwessa’ għall-ugwaljanza u d-drittijiet umani wkoll.
Matul il-konferenza, tliet entitajiet ġodda ngħataw il-marka tal-ugwaljanza għall-ħidma tagħhom. Dawn huma l-Public Broadcasting Services, il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabbiltà u l-Awtorità tal-Mediċini. Barra minhekk, sitt organizzazzjonijiet oħrajn kienu riċertifikati wara sentejn minn meta ħadu l-ewwel ċertifikazzjoni għall-ugwaljanza. Min-naħa tagħha, il-Kummissarju tal-NCPE Reneé Laiviera qalet li funzjoni mportanti tal-Kummissjoni hi li tilqa’ l-ilmenti tal-individwi. Spjegat kif fl-2013 tressqu quddiem il-Kummissjoni aktar minn 50 ilment.
Dan minbarra li l-NCPE se tkompli taħdem fuq rakkomandazzjonijiet u policies, bħall-kunjomijiet tal-miżżewġin, il-Liġi tal-Koabitazzjoni u l-emendi biex tissaħħaħ il-Liġi dwar l-Ugwaljanza bejn l-Irġiel u n-Nisa.
//= $special ?>