Kultura Lokali

Leona Lewis, Baglioni, Terfel u Federica Falzon fil-kunċert ta’ Joseph Calleja

KONFERENZA AHBARIJIET JOSEPH CALLEJA

Leona Lewis, Claudio Baglioni u Bryn Terfel, se jkunu qed jakkumpanjaw lit-tenur Malti, Joseph Calleja, waqt il-kunċert tiegħu il-Ġimgħa 18 ta’ Lulju li se jitella’ fuq il-fosos tal-Furjana.

Takkumpanja wkoll lit-tenur Joseph Calleja, se jkun hemm wkoll il-kantanta Federica Falzon u l-Orkestra filarmonika Maltija.

Id-dettalji dwar il-kunċert ingħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet u għaliha attenda l-Ministru għat-Turiżmu, Edward Zammit Lewis li rringrazzja lill-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu li flimkien ma’ Nng Promotions se jerġa’ jittella’ mhux kunċert imma spettaklu ta’ x’jista’ joffri pajjiżna permezz tat-talent lokali stess.

Fi kliem ieħor il-kunċert ta’ Joseph Calleja, kif deskritt minnu stess se jkun prodott tat-talent Malti li għandu jagħmilna kburin għaliex hu avveniment li sar annwali u li hu apprezzat minn ħafna madwar id-dinja.

Calleja sostna wkoll li avveniment bħal dan jista’ jbiddel il-mentalita’ ta’ ħafna li jaspiraw li jkollhom karriera fil-qasam tal-mużika, karriera li llum m’għadiex ħolma imma saret possibbli jekk wieħed jaħdem għaliha.

Iżda x’inhuma l-preparazzjonijiet tat-tenur Joseph Calleja li se jkanta ma’ Federica Falzon? – tfajla ċkejkna b’vuċi tad-deheb. Joseph Calleja sostna li għalkemm ħafna qed jaħsbu li se jkun ta’ unur għal Federica li tkanta miegħu fil-verita’se jkun ta’ unur għalih li jkanta ma’ tfajla ċkejkan li diġa’ għamlet unur lil pajjiżna permezz tal-programm Ti Lascio Una Canzone. Għalhekk jinsab ċert li l-wirja li se joffru lill-udjenza dak inhar se tkun waħda impekkabbli. Joseph Calleja għamel referenza wkoll għal Gaia Cauchi, ċkejkna oħra b’vuċi b’saħħita u li qed tagħmel unur lil Malta u Għawdex u li bħal Federica Falzon qed juru lill-bqija tad-dinja li dan il-poplu verament għandu x’joffri.

Joseph Calleja saħaq li parti mill-futur tat-turiżmu f’pajjiżna hu propju turiżmu marbut mal-qasam tal-kultura u kunċert bħal dan jgħin biex turisti jiġu f’pajjiżna japprezzaw il-wirt storiku iżda wkoll japprezzaw it-talent lokali. Kull ma għandna bżonn huma aktar inizjattivi għaliex l-infrastruttura hemm qegħda bħal lukandi u ristoranti tajbin.

Din is-sena wkoll se jkun hemm żona fejn in-nies jistgħu jidħlu b’xejn iżda joqogħdu bil-wieqfa biex jisimgħu il-kunċert. Filwaqt li l-biljetti għal min jixtieq post bil-qegħda jibdew mill-prezz ta’ 80 ewro. Ta’ min jgħid li din is-sena nżammu l-istess prezzijiet għall-biljetti  bħas-sena ta’ qabel.

Għal aktar informazzjoni dwar il-kunċert wieħed jista’ jidħol fuq is-sit www.nngpromotions.com jew inkella fuq is-sit tat-tenur Joseph Calleja- josephcalleja.com.