Qorti

Lura għal-każ tas-sejba ta’ sapun maħsuba li kienet droga kannabis…

Wieħed mill-irġiel jippreżenta rikors fejn qed jallega ksur tad-drittijiet

Wieħed minn erbat irġiel li kienu instabu ħatja li ftehmu biex f’Malta jimpurtaw id-droga kannabis ippreżenta rikors Kostituzzjonali fejn qed jgħid li nkisrulu d-drittijiet fundamentali għal assistenza legali waqt l-investigazzjonijiet u dan minħabba d-diskrezzjoni tal-Avukat Ġenerali.

Ir-rikors tressaq minn Marvin Debono fejn qal li fid-29 ta’ Diċembru tal-2008 kien ġie akkużat li flimkien ma’ persuni oħra assoċju ruħu biex jimpurtaw u jittraffikaw id-droga kannabis. Minkejja li dik misjuba ma kinitx droga, imma sapun tal-ħasil, il-liġi tgħid li anke l-intenzjoni huwa reat. Fil-fatt xi ħadd kien qarraq bihom barra l-pajjiż u minflok droga biegħilhom sapun.

Filwaqt li Debono sostna li kien ħalla stqarrija dakinhar li ġie arrestat, hu qed jgħid li fl-ebda ħin ma kellu aċċess għal assistenza legali peress li l-liġi dak iż-żmien ma kinitx tippermetti dan. Qed jgħid ukoll li minn eżamijiet forensici li saru fuq is-sustanza elevata mill-Pulizija kien instab li din ma kinitx waħda llegali.

Il-Pulizija kienet għamlet tfittxijiet fuq il-jott Jolly Roger wara li rċeviet informazzjoni dwar post fejn kellha ssir konsenja ta’ droga. Madankollu, kien irriżulta li t-30 kilo ta’ droga kannabis li allegatament l-irġiel kienu se jimpurtaw kienet sapun.

Fir-rikors, iffirmat mill-avukati Franco Debono, Arthur Azzopardi u Marion Camilleri, Marvin Debono qed jisħaq li ma ngħatax assistenza legali waqt li kien arrestat u investigat. Barra minn hekk, saħaq li d-diskrezzjoni tal-Avukat Ġenerali biex jiddeċiedi fejn għ andu jinstema’ l-każ tmur kontra l-Kostituzzjoni u għalhekk qal li tikser id-drittijiet fundamentali tiegħu. Barra minn hekk, hu talab ukoll biex jingħata rimedju effettiv.