Futbol Sport

Manuel Neuer jirritorna għat-taħriġ

TAZZA TAD-DINJA

Il-goalkeeper tal-Ġermanja Manuel Neuer irritorna għat-taħriġ mal-kumplament tal-iskwadra. Neuer, player ta’ Bayern Munich weġġa’ spalltu fis-17 ta’ Mejju fil-logħba kontra Borussia Dortmund u minn dakinhar ‘l hawn ma lgħabx aktar. Minkejja li irritorna għat-taħriġ Neuer jidher li mhux se jkun involut fil-logħba ta’ ħbiberija li għandha l-Ġermanja nhar il-Ħadd li ġej kontra l-Kamerun. Din hi aħbar tajba għall-kowċ Joachim Low li nhar l-Erbgħa kellu lura wkoll għad-dispożizzjoni tiegħu lill-captain Philipp Lahm li wkoll kien qed jirkupra minn injury. L-uniku players li għadu ma irkuprax huma l-midfielder ta’ Bayern Bastian Schweinsteiger u l-midfielder ta’ Real Madrid Sami Khedira.

Fil-fażi tal-gruppi tat-Tazza tad-Dinja l-Ġermanja se tilgħab kontra l-Portugall, il-Ghana u l-Istati Uniti.

Minn naħa tiegħu Khedira wiegħed li se jkun f’sikktu għall-ewwel logħba kontra l-Portugall fis-16 ta’ Ġunju. Il-player ta’ Real kien ġie operat fix-xitwa li għaddiet u nhar is-Sibt li għadda lagħab siegħa mill-finali taċ-Champions League mirbuħa 4-1 minn Real kontra Atletico Madrid.

“Inħossni tajjeb għal logħob. Irrid nimxi pass,pass imma l-fatt li lgħabt f’finali ta’ Champions League juri li jien kapaċi nilgħab fl-ogħla livell. Nemmen li fis-16 ta’ Ġunju se nkun fl-aqwa kundizzjoni tiegħi. Qed nittħarreġ aktar siegħat biex żgur nirkupra għat-Tazza tad-Dinja,” qal Khedira.

‘Irridu nitjiebu biex nirbħu’

Il-midfielder Brażiljan ta’ Chelsea Ramires qal li t-tim ta’ Luis Felipe Scolari jrid jilgħab ferm aħjar milli lagħab erba’ snin ilu jekk beħsiebu jirbaħ it-Tazza tad-Dinja f’pajjiżu. Fl-2010 Ramires iddebutta mal-Brażil u kien parti mit-tim li safa eliminat fil-kwarti tal-finali kontra l-Olanda.

“Erba’ snin ilu esperjenzajt it-Tazza tad-Dinja għall-ewwel darba. Fil-fażitan-knockout għamilna żbalji li faċilment setgħu ġew evitati. Din id-darba għandi aktar esperjenza u se nagħmel minn kollox biex inkun importanti għat-tim,” qal Ramires.

Il-Brażil jibda l-impenji tiegħu fit-Tazza tad-Dinja fit-12 ta’ Ġunju bil-logħba kontra l-Kroazja. Minbarra l-Kroazja, fil-fażi tal-gruppi l-Brażiljani jridu jaffrontaw lill-Messiku u lill-Kamerun.

“Se nilagħbu fi grupp diffiċli imma ma rridux inħarsu biss lejn il-grupp. Il-kompetizzjoni kollha hi waħda diffiċli u biex tirbaħa trid tirbaħ kontra l-aqwa timijiet. Aħna tim li ma jridx jaspira li jgħaddi mill-grupp imma li jasal sal-finali,” temm jgħid Ramires.

Inkiwet għall-Iran

L-istaff mediku tat-tim nazzjonali tal-Iran qed jagħmel minn kollox biex id-difensur Hashem Beikzadeh jirkupra minn injury li sofra nhar it-Tnejn li għadda f’logħba ta’ ħbiberija kontra l-Montenegro. Il-player ta’ 30 sena kien ilu biss kwarta jilgħab f’din il-logħba li intemmet fi draw ta’ mingħajr gowls.

Wara l-partita kontra l-Montenegro, it-tim imexxi minn Carlos Queiroz jonqsu jilgħab żewġ partiti oħra qabel ma jibda l-impenji tiegħu fit-Tazza tad-Dinja. Fil-fażi tal-gruppi l-Iranjani se jilagħbu kontra l-Arġentina, l-Bożnija-Herzegovina u n-Niġerja

Park Joo-Ho minflok Kim Jin-Su

Id-difensur tal-Korea t’Isfel Park Joo-Hoo ġie mgħajjat mal-iskwadra nazzjonali biex jimla post Kim Jin-S li hu imweġġa’ u se jitlef it-Tazza tad-Dinja. Kim kien mgħajjat mat-tim fit-8 ta’ Mejju imma minn dakinhar ‘l hawn ma irkuprax minn injury fl-għaksa. Park,li jilgħab ma’ Mainz fil-Ġermanja ilu jilgħab fl-Ewropa sa mill-2011 ma kienx ikun mgħajjat mat-tim nazzjonali anke jekk dan kellu staġun pożittiv ma’ Mainz fejn lagħab magħhom 27 darba f’dan l-istaġun. Fit-Tazza tad-Dinja l-Korea t’Isfel se tilgħab kontra r-Russja, l-Belġju u l-Alġerija.

Valencia se jitlef it-Tazza tad-Dinja

Il-midfielder Kolombjan Edwin Valencia mhux se jikkompeti fit-Tazza tad-Dinja għax ma irkuprax minn diversi injuries li kellu tul dan l-istaġun. S’issa Valencia lagħab biss 25 minuta mal-klabb tiegħu Fluminense imma minkejja dan il-kowċ nazzjonali Jose Pekerman xorta sejjaħlu biex jiofforma parti mit-tim li se jikkompeti fil-Brażil. Valencia hu r-raba’ player Kolmbjan li kellu jkun eskluż mil-lista proviżorja. Minbarra Valencia, kellhom ikunu esklużi Aquivaldo Mosquera, Elkin Soto u Macnelly Torres. Il-Kolombja se tilgħab kontra l-Greċja, l-Ivory Cost u l-Ġappun. Il-Kolombja qed jittamaw li l-attakkant Radamel Falcao jirkupra għat-Tazza tad-Dinja u Pekerman għandu ċans sat-2 ta’ Ġunju biex isejjaħ lildan il-player.

Iċ-champions Afrikani miżmuma

Iċ-champions tal-Afrika, in-Niġerja ġew miżmuma fi draw ta’ 2-2 mill-Iskozja. Din kienet l-ewwel logħba minn tlieta ta’ ħbiberija li se jilagħbu qabel ma jibdew l-impenji tagħhom fit-Tazza tad-Dinja. L-Afrikani kienu darbtejn gowl minn taħt u kellu jkun gowl lejn l-aħħar li salva draw għat-tim immexxi minn Keshi. In-Niġerja, fil-fażi tal-gruppi se tilgħab kontra l-Greċja, l-Istati Uniti u l-Iran.