Il-Qorti tal-Maġistrati ċaħdet ir-Rikors li sar minn priġunier li qed jikkontendi li qed jinżamm fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin b’mod illegali wara li bintu xehdet falz għax ġegħlitha ommha, meta qalet li abbużaha. Fid-deċiżjoni tiegħu, il-Maġistrat Aaron Bugeja qal li filwaqt li l-Qorti semgħet bosta sottomissjonijiet dwar il-każ, fl-istess waqt ma tressqu ebda provi. Għalhekk, kollox kien jibbaża fuq diversi xhieda li taw is-sottomissjoni ġuramentata tagħhom, f’inkjesta li saret mill-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera.
Madankollu, il-Maġistrat Bugeja qal li din ix-xhieda ma kinitx prodotta bħala prova u dan hekk kif kien spjegat li l-proċess intbagħat lill-Avukat Ġenerali. Kien għalhekk li saħaq li l-Qorti qed ikollha timxi fuq dak li ġie rrappurtat lilha u mhux fuq provi li nġiebu quddiemha. Min-naħa l-oħra, il-Maġistrat qal li r-raġel kien instab ħati mill-Qorti tal-Maġistrati u mill-Qorti tal-Appell, fejn il-proċeduri ttieħdu bbażati fuq provi. Tenna li l-proċess spiċċa eżawrit u kompla li f’pajjiżna m’għandniex Qorti tat-Tielet Grad, filwaqt li saħaq li din il-Qorti għandha ċerti poteri u parametri safejn tista’ taħdem.
Il-Maġistrat Bugeja kompla jgħid li biex ir-raġel ikun jista’ jingħata raġun, dan irid isir ġudizzjalment, jiġifieri billi jitlestew il-proċeduri kriminali li għaddejjin fil-konfront tal-mara u tal-bint, li jinsabu akkużati li xehdu falz kontra r-raġel. Il-Qorti qalet li għalhekk, sakemm jiġi deċiż il-każ, għad m’hemmx ċertezza li fil-fatt ix-xhieda tat-tifla kienet falza. Staqsiet ukoll jekk it-tifla hix se tibqa’ tgħid li din ix-xhieda kienet falza jew jekk hix bi ħsiebha terġa’ ddawwar il-verżjoni kemm-il darba jibdew il-proċeduri kontriha.
Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti qalet ukoll li r-riżultat ta’ Inkjesta Maġisterjali mhix sentenza ta’ Qorti u għalhekk ma tikkonkludix li l-persuna hi ħatja ta’ ġurament falz jew sperġur. Min-naħa l-oħra, il-Maġistrat Bugeja kompla jgħid li kemm-il darba l-mara u bintha jkollhom jinstabu ħatjin ta’ xhieda falza, huma jkollhom jiffaċċjaw il-konsegwenzi ta’ għemilhom u għas-saram u l-ħsara li kkawżaw. Għaldaqstant, mhux xieraq li qabel ma jkunu lesti dawn il-proċeduri jaqbad u jieħu deċiżjoni mingħajr ma jkun hemm iċ-ċertezza ġuridika li tistabilixxi dan. Qal ukoll li lanqas kieku jrid, din il-Qorti ma tistax tassumi ċerti poteri li jħassru deċiżjoni li ttieħdet minn Qorti ekwivalenti għaliha jew ogħla.
Sadanittant, għada mistennija tkompli l-kawża Kostituzzjonali dwar dan il-każ, fejn l-avukat difensur Tonio Azzopardi mistenni jqajjem il-punt tal-ħelsien mill-ħabs għall-klijent tiegħu. Il-kawża Kostituzzjonali qed issir fuq id-dritt għal smiegħ xieraq. Il-każ kien spiċċa quddiem il-Qorti fl-2011, bl-Ewwel Qorti ssib lir-raġel ħati u kkundannatu sentejn ħabs. Ir-raġel appella mis-sentenza tal-Ewwel Qorti, iżda f’sentenza li tat f’Mejju 2013, il-Qorti tal-Appell Kriminali kkonfermat is-sentenza tal-Ewwel Qorti. Għaldaqstant, ir-raġel beda jiskonta s-sentenza ta’ ħabs.
Madankollu, ir-raġel baqa’ jsostni li hu innoċenti. Sussegwentament, ġew indikati diversi persuni li t-tifla kienet fetħet qalbha magħhom li dak li kienet allegat fil-konfront ta’ missierha ma kienx minnu. Barra minhekk, it-tifla kienet qalet ukoll li kienet imġiegħla minn ommha tgħid dak li qalet. Għaldqstant, saret Inkjesta Maġisterjali, fejn anke tat ix-xhieda tagħha t-tifla, li bil-ġurament ikkonfermat li missierha ma kienx abbuża minnha sesswalment.
B’dawn il-provi f’idejha, il-Pulizija ressqet b’arrest lill-omm, ta’ 44 sena minn San Pawl il-Baħar, mixlija b’xhieda falza fil-konfront tal-eks raġel tagħha u li ħalfet falz quddiem Maġistrat. Hi wieġbet mhux ħatja tal-akkużi miġjuba fil-konfront tagħha. Għaliha qed jidher l-avukat Martin Fenech.
//= $special ?>