Membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili rnexxielhom jikkontrollaw nirien li ħakmu kċina tal-Lukanda Fortina f’Tas-Sliema għal ħabta tas-18:15.
Jidher li żviluppa nar fil-kċina tal-lukanda li tinsab f’sular ‘il fuq mil-livell tat-triq u d-duħħan deher ħiereġ mit-tmien sular minn extractors tal-kċina.
Malli semgħu l-fire alarm, ir-residenti tal-lukanda ħarġu ‘l barra mil-lukanda biex kienu evakwati filwaqt li turista anzjana li kienet fuq siġġu tar-roti ingħatat l-għajnuna minn pumpieri tal-Protezzjoni Ċivili u mill-Pulizija biex inħarġet ‘l barra mil-lukanda.
Kien hemm ukoll xi turisti li belgħu xi dħaħen u ingħataw l-ewwel għajnuna mit-team mediku ta’ ambulanza li kienet fil-post. B’xorti tajba jidher li ma kienx hemm konsegwenzi gravi.
Fil-post waslu ħames fire-engines, ambulanza u numru ta’ pulizija li kkontrollaw it-traffiku. Numru kbir ta’ residenti tal-lukanda u nies oħra inġabru quddiem il-lukanda jsegwu l-ħidma li kienet għaddejja.
Fil-post mar ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu, Josef Formosa Gauci biex jara jekk it-turisti kellhomx bżonn xi għajnuna.
Ritratt: Claudia Zahra
//= $special ?>