Kultura Kurżitajiet Lokali

Spettaklu dwar l-era Rumana f’Malta fil-Forti Rinella

RE-ENACTMENTS RUMANI FORT RINELLA SULDATI RUMANI

Il-Fondazzjoni Wirt Artna se ttella’ spettaklu dwar l-era Rumana f’Malta – bl-isem ta’ Romanus – fil-Forti Rinella, il-Kalkara nhar is-Sibt u l-Ħadd.

Għal din l-attivita’, li għandha appoġġ mill-Bank of Valletta, se jieħdu sehem membri mill-gruppi storiċi Legio X Fretensis u Anakron.

Mario Farrugia, iċ-Chairman ta’ Fondazzjoni Wirt Artna fisser f’konferenza tal-aħbarijiet li din hi opportunita’ mhux tas-soltu. Dan għax qabel saru verżjonijiet drammatizzati tal-era Vittorjana u attivitajiet oħrajn marbutin mal-ħakma Ingliża f’Malta.

Hu qal li fi tmiem il-ġimgħa li gejja, il-pubbliku Malti u t-turisti se jkunu jistgħu jsegwu mill-qrib azzjoni militari ta’ żmien ir-Rumani minn xi 40 re-enactor.

Mario Farrugia qal li l-programm tal-attivitajiet nhar is-Sibt u l-Ħadd jibdew fl-10 a.m. b’diversi taħditiet, wirjiet interattivi, attivitajiet għat-tfal, tagħrif dwar il-ħajja f’kamp Ruman, taħriġ ta’ gwarniġjun Ruman u żjarat fil-Forti Rinella.

L-ispettaklu principali, imbagħad, jibda għall-ħabta tas-2 p.m. B’wirjiet, fost oħrajn, mill-kavallerija kif ukoll ġlied bl-użu tax-xwabel u t-tfigħ tal-lanez.

Michael Galea, Chief Officer – Operations ma’ Bank of Valletta (BOV) feraħ lil FWA għal din l-inizjattiva u l-Bank jinsab kburi li jassoċja ruħu ma’ attivitajiet li jkabbru l-għarfien dwar l-istorja u l-wirt kulturali Malti.

Id-dħul għal din l-attivita’, inkluż żjarat fil-Forti, hu ta’ €10 u t-tfal jidhlu b’xejn.

Intant il-Fondazzjoni Wirt Artna qed tħejji attivitajiet oħrajn, fosthom waħda marbuta il-ħajja fit-trenches u allura t-tifkira tal-Ewwel Gwerra Dinjija bil-probabbilta’ li jieħdu sehem diversi re-enactors barranin.

Barra minn hekk qed tissokta l-ħidma fil-proġett li l-FWA qed tagħmel f’Lascaris, il-Belt b’investiment ta’ €2.3 miljun. Is-sit f’Lascaris, b’medda ta’ 28,000 metru kwadru, kien jospita l-War Headquarters tal-Ingliżi matul it-Tieni Gwerra Dinjija – kwartieri li baqgħu jservu anki fis-snin tal-Gwerra l-Bierda.

Il-FWA għandha wkoll xogħolijiet ta’ restawr fil-Batterija Kostali fil-Mistra, fuq it-tirri ta’ San Tumas f’Wied il-Għajn u fuq it-torri tax-Xgħajra ta’ Ħaż-Żabbar. B’kollox, il-Fondazzjoni Wirt Artna tieħu ħsieb madwar 40 sit madwar Malta.