Il-Kummissarju Ewropew tas-Saħħa Tonio Borg ingħata rikonoxximent mill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) għal dak li rnexxielu jagħmel permezz tad-Direttiva tat-Tabakk. Ta’ kull sena, il-WHO tirrikonoxxi numru ta’ individwi jew għaqdiet madwar id-dinja għall-ħidma tagħhom fil-kontroll tal-użu tat-tabakk f’dawk li jissejħu l-World No Tobacco Day Awards. Fl-edizzjoni ta’ din is-sena, il-Kummissarju Malti tal-Unjoni Ewropea Tonio Borg kien wieħed mir-rebbieħa ta’ dawn l-unuri.
F’ittra li Tonio Borg irċieva mingħand id-Direttur Reġjonali għall-Ewropa tal-WHO Zsuzsanna Jakab, saret referenza għall-proċess li wassal biex ġiet approvata d-Direttiva tat-Tabakk taħt it-tmexxija tiegħu bħala Kummissarju Ewropew. Il-proċess kien ikkaraterizzat minn kontroversja u ndħil mill-industrija tat-tabakk. Ir-rwol ta’ Tonio Borg kien importanti ħafna wara li tressqu rekord ta’ 1,300 emenda għad-Direttiva mill-Membri Parlamentari Ewropej.
Id-Direttriċi tal-WHO qalet lil Tonio Borg li hu, bl-esperjenza politika tiegħu u bl-impenn qawwi favur is-saħħa taċ-ċittadini Ewropej, wassal biex il-Liġi għaddiet ferm qabel mistenni. Ir-rwol tiegħu fin-negozjati kien fundamentali biex jiġi assigurat li l-adozzjoni tad-Direttiva ssir bl-aħjar mod għall-UE u biex finalment id-Direttiva ssir Liġi u tilħaq l-għanijiet tagħha, jiġifieri li jiġu salvati kemm jista’ jkun ħajjiet.
Id-Direttiva tat-Tabakk introduċiet miżuri ġodda, fosthom li l-pakkett tas-sigaretti jrid ikollu 65% tiegħu mgħotti b’avviżi ta’ saħħa, filwaqt li twaqqfu għal kollox sigaretti b’togħma, bħal dawk tal-minta. Fl-ittra ta’ rikonoxximent intqal ukoll li Tonio Borg żamm sod quddiem l-indħil tal-industrija tat-tabakk u uża l-esperjenza tiegħu biex jibni madwaru alleanza li wasslet ħalli d-Direttiva ġiet addottata f’Marzu 2014.
Minbarra lil Tonio Borg, dan ir-rikonoxximent din is-sena ngħata lil numru ta’ persuni jew għaqdiet oħrajn madwar id-dinja, fosthom il-Ministru tas-Saħħa Irlandiż James Reilly, il-Ministru tas-Saħħa tal-Litwanja Andriukaitis, il-Prim Ministru tal-Moldova Leanca u anke d-Direttriċi tal-kampanja FRESH/Smokfree fir-Renju Unit u l-Irlanda ta’ Fuq Alisa Margaret Rutter.
Agħfas hawn biex taqra l-ittra mibgħuta mill-WHO lil Tonio Borg.
//= $special ?>