Minkejja li pajjiżna, flimkien ma’ xi Stati oħra żgħar bħalna, kellu jeleġġi l-anqas numru ta’ Deputati fil-Parlament Ewropew, jidher li l-Ewropa kollha kienet qed tistenna lil Malta ttemm il-proċess tal-għadd għax konna aħna li domna l-iżjed ngħoddu. Issa li ntemm il-proċess fit-28 Stat Membru, l-attenzjoni ddur fuq il-ħatra tal-ogħla karigi fl-istituzzjonijiet Ewropej u bla dubju ta’ xejn l-aktar mistennija fosthom hi dik tal-President tal-Kummissjoni Ewropea.
Fl-aħħar sigħat, fi Brussell, bdiet id-diskussjoni dwar dan bejn il-Mexxejja tal-Gruppi Politiċi. Matul din il-laqgħa, il-Mexxej tas-Soċjalisti Hannes Swoboda sostna li s-Soċjalisti se jappoġġjaw il-kandidatura ta’ Jean Claude Juncker għar-rwol ta’ President tal-Kummissjoni Ewropea. Dan hekk kif il-Partit Popolari Ewropew (PPE), li Juncker hu l-kandidat tiegħu, żamm l-akbar numru ta’ siġġijiet fil-Parlament Ewropew il-ġdid.
Għalkemm naqqas madwar 50 siġġu, bit-tielet siġġu li gab il-Partit Nazzjonalista, issa l-PPE għandu 214-il siġġu, filwaqt li s-Soċjalisti għandhom 191 siġġu. Il-Liberali, t-tielet l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew, eleġġew 64 MEP, filwaqt li l-Ħodor għandhom 52 siġġu, il-Konservattivi għandhom 46 siġġu, il-European United Left għandhom 45 siġġu, id-Deputati li ma jiffurmaw parti mill-ebda Grupp għandhom 41 siġġu u l-Europe of Freedom and Democracy Group għandu 38 siġġu. Hemm ukoll 60 MEP ieħor li mhumiex marbutin mal-ebda Grupp Politiku li twaqqaf fil-Parlament Ewropew tul l-aħħar leġiżlatura.
Sadanittant, f’Summit tal-Mexxejja Ewropej fi Brussell ftit wara, it-28 Kap ta’ Gvern jew Stat tal-Unjoni Ewropea taw il-mandat lill-President tal-Parlament Ewropew Herman van Rompuy biex jibda konsultazzjoni dwar min se jmexxi l-Kummissjoni Ewropea wara Barroso. Għalhekk issa jmiss li f’Ġunju jsiru d-diskussjonijiet f’livell aktar avvanzat biex jiġi deċiż min se jimla l-ogħla tliet karigi fl-UE: il-President tal-Kummissjoni Ewropea, il-President tal-Kunsill Ewropew u l-President tal-Parlament Ewropew.
Imbagħad, fl-aħħar ta’ Ġunju jiltaqa’ l-Kunsill Ewropew qabel il-waqfa tas-sajf, f’dik li mistennija tkun l-aħħar darba qabel il-vaganzi biex il-Kunsill jipproponi kandidat għall-Presidenza tal-Kummissjoni Ewropea bil-għan li jiġi approvat mill-Parlament Ewropew. Il-vot fil-Parlament Ewropew biex japprova l-President il-ġdid tal-Kummissjoni Ewropea mistenni jittieħed fis-16 ta’ Lulju, hekk kif ġimgħatejn qabel issir is-seduta inawgurali tal-Parlament il-ġdid.
Minn hemm jibda l-proċess biex jinħatru l-Kummissarji Ewropej il-ġodda. Is-sessjonijiet tal-hearings għall-Kummissarji l-ġodda, fosthom l-eks Ministru Laburista Karmenu Vella li se jkun propost mill-Gvern Malti, mistennija jsiru bejn Settembru u Ottubru bil-ghan li l-Kummissjoni l-ġdida tibda tiffunzjona mill-1 ta’ Novembru li ġej.
//= $special ?>