Qorti

Aġġornata (4): Il-missier li allegatament qed jinżamm il-ħabs għalxejn jagħmel talba lill-President u Appell fil-Qorti Kriminali

Aġġornament 4: 5.10pm Ġie deċiż li s-smiegħ biex il-Prim Imħallef jiddeċiedi liema Mħallef se jisma’ l-appell mistenni jibda għall-ħabta tal-5.30pm.

Aġġornament 3: 4.55pm Wara li l-Imħallef Lawrence Quintano astjena milli jisma’ l-appell il-ġdid, il-Qorti qalet li għandu jkun il-Prim Imhallef li jiddeċiedi liema Mħallef għandu jieħu l-każ f’idejh. Madankollu, s’issa għadu mhux ċar kif u meta se tipproċedi l-kwistjoni.

Aġġornament 2: 4.10pm Fl-aħħar żviluppi, l-Imħallef Lawrence Quintano astjena milli jisma’ l-appell. Għaldaqstant, id-Difiża talbet li l-appell jinstema’ quddiem Imħallef ieħor.

Aġġornament 1: 3.40pm Il-Qorti Kostituzzjonali, ippreseduta mill-Imħallef Joseph R. Micallef qalet li se tideċiedi l-ġimgħa d-dieħla dwar it-talba tal-ħelsien li saret minn raġel li qed jisħaq li qed jinżamm għalxejn il-ħabs għax bintu gidbet fuqu wara li allegatament kienet imġiegħla minn ommha biex tagħmel dan. It-tifla qalet li missierha abbużaha, iżda wara qalet li kienet imġiegħla minn ommha biex tixhed hekk.

Minn hawn u ftit ieħor hemm it-talba quddiem il-Qorti tal-Appell Kriminali, ippreseduta mill-Imħallef Laurence Quintano, tal-appell imressaq mir-raġel. Hu qed jitlob biex illum stess jinħeles mill-ħabs. Dwar dan l-appell, l-Avukat Generali talab biex il-każ jinstema’ fil-magħluq, bit-talba tintlaqa’ mill-Qorti.

Aktar kmieni …

Komplew l-iżviluppi fil-każ tal-priġunier li qed jisħaq li qed jinżamm għalxejn il-ħabs għax bintu gidbet fuqu wara li allegatament kienet imġiegħla minn ommha biex tagħmel dan. Wara li saret talba lill-President ta’ Malta biex titħassar is-sentenza, ftit tal-ħin ilu ġie ppreżentat appell fil-Qorti tal-Appell Kriminali, ippreseduta mill-Imħallef Laurence Quintano. Hu qed jitlob biex illum stess jinħeles mill-ħabs.

Ir-raġel kien ikkundannat sentejn ħabs, liema sentenza ġiet ikkonfermata wkoll mill-Qorti tal-Appell, iżda jumejn ilu kien hemm żviluppi ġodda hekk kif l-omm tressqet il-Qorti u ġiet mixlija li tat xhieda falza. Illum wara nofsinhar mistennija tkompli tinstema’ l-Kawża Kostituzzjonali dwar dan il-każ u anke se jibda jinstema’ l-appell wara l-iżvilupp ġdid ta’ dalgħodu. L-appell tressaq quddiem l-Imħallef Lawrence Quintano, li kien ikkonferma l-ewwel sentenza.

Fl-appell qed jingħad li l-Imħallef għandu jisma’ l-każ b’urġenza llum stess u jeħles lill-priġunier mill-ħabs. Dan għaliex ir-raġel hu nnoċenti u skont l-eżami mediku li sar fuq bintu, din għadha verġni għalkemm f’okkażjonijiet differenti qalet li ġiet abbużata minn missierha. Fl-appell qed jingħad ukoll li omm it-tifla ġiet akkużata b’rapport falz u t-tifla stess irtirat l-allegazzjonijiet fil-konfront ta’ missierha. Għal dawn ir-raġunijiet, l-appell qed jitlob biex il-priġunier jinħeles mill-ħabs immedjatament. Id-deċiżjoni mistennija għall-ħabta tal-4pm.

Dawn l-iżviluppi qed iseħħu wara li lbieraħ il-Qorti tal-Maġistrati ċaħdet ir-Rikors li sar mir-raġel, li qed jikkontendi li qed jinżamm fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin b’mod illegali wara li bintu xehdet falz għax ġegħlitha ommha, meta qalet li abbużaha.

Il-każ kien spiċċa quddiem il-Qorti fl-2011, bl-Ewwel Qorti kienet sabet lir-raġel ħati u kkundannatu sentejn ħabs. Ir-raġel appella mis-sentenza tal-Ewwel Qorti, iżda f’Mejju 2013 il-Qorti tal-Appell Kriminali ikkonfermat is-sentenza tal-Ewwel Qorti. B’hekk, ir-raġel beda jiskonta s-sentenza ta’ ħabs. Madankollu, ir-raġel baqa’ jsostni li hu nnoċenti. Sussegwentament, ġew indikati diversi persuni li t-tifla kienet fetħet qalbha magħhom li dak li kienet allegat fil-konfront ta’ missierha ma kienx minnu.

Barra minhekk, it-tifla kienet qalet ukoll li kienet imġiegħla minn ommha biex tgħid dak li qalet. Għaldqstant, saret Inkjesta Maġisterjali, li fiha anke tat ix-xhieda tagħha t-tifla, fejn bil-ġurament ikkonfermat li missierha ma kienx abbuża minnha sesswalment. B’dawn il-provi f’idejha, il-Pulizija ressqet b’arrest lill-omm, ta’ 44 sena minn San Pawl il-Baħar, mixlija b’xhieda falza fil-konfront tal-eks raġel tagħha u li ħalfet falz quddiem Maġistrat. Hi wieġbet mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontriha.

Għall-mara qed jidher l-avukat Martin Fenech.