Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Lokali

Alfred Sant magħżul Kap tad-Delegazzjoni Laburista

L-eks Prim Ministru u eks Mexxej Laburista Alfred Sant se jkun qed imexxi d-delegazzjoni tal-Partit Laburista Malti fil-leġiżlatura li jmiss tal-Parlament Ewropew. Fi stqarrija, il-PL ħabbar li l-Membru Parlamentari Ewropew ġdid Alfred Sant inħatar Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew wara li ntlaħaq qbil dwar in-nomina tiegħu mid-delegazzjoni kollha, jiġifieri bejn it-tliet MEPs eletti f’isem il-PL fl-elezzjoni tas-Sibt li għadda.

Alfred Sant, li kien protagonist prinċipali fil-kampanja Laburista kontra s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea u kien ħareġ jiddikjara li fir-Referendum kien rebaħ il-Partnership, is-Sibt li għadda kiseb l-akbar ammont ta’ voti fl-elezzjoni għall-Parlament Ewropew, 48,739 vot, u b’hekk kien l-ewwel kandidat elett bħala MEP fl-ewwel għadd.

B’hekk, Alfred Sant se jkun qed jieħu post Joseph Cuschieri, li ma ġiex elett. Ftit jiem biss qabel l-elezzjoni għall-Parlament Ewropew, Cuschieri kien għamel akkużi serji li xi kandidati qed jiġu vantaġġjati, b’mod partikolari fuq il-media Laburista u li l-PL diġà ddeċieda min għandhom ikunu l-MEPs eletti f’ismu, tant li l-magna tal-partit qed timbotta lilhom biss.

Iżda wara, hu kien reġa’ bdielu u ppreżenta n-nomina tiegħu nofs siegħa biss qabel għalqu n-nomini għall-kandidati. Hu kiseb total ta’ 10,461 vot f’din l-elezzjoni. Fl-istqarrija tiegħu, il-PL irringrazzja lil Cuschieri tal-ħidma tiegħu bhala Kap tad-Delegazzjoni Laburista fl-aħħar leġiżlatura, filwaqt li rringrazzja wkoll lill-MEPs uxxenti li servew f’ismu fl-aħħar ħames snin.