Ekonomija

Bosta swieq finanzjarji internazzjonali jilħqu l-ogħla livelli għal dawn l-aħħar snin

Hekk kif kulħadd qed jistenna deċiżjonijiet importanti mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) fil-jiem li ġejjin, is-swieq finanzjarji internazzjonali komplew jissaħħu. Issa laħqu l-ogħla livelli għal dawn l-aħħar snin. Il-prezzijiet tal-bonds ilhom f’livelli għoljin ferm għal diversi ġimgħat, iżda fl-aħħar jiem il-prezz ta’ diversi ishma wkoll raw żieda fil-valur.

Analisti internazzjonali qalu li dan l-ottimiżmu ġej minn riżultati aħjar tal-ekonomija Amerikana kif ukoll in-nuqqas ta’ tensjoni fl-Ukrajna. L-ishma ta’ kumpaniji li joperaw fit-teknoloġija, bħal Apple, raw żidiet fl-aħħar jiem. L-Istati Uniti qeda tisħaq li l-bank Franċiż BNP Paribas kiser xi regoli internazzjonali u għaldaqstant qed titlob multa ta’ $10 biljun. Dan wassal biex l-ishma tal-bank niżlu b’5% f’ġurnata.

Id-dollaru Kanadiż u dak Amerikan kienu l-aktar muniti li ssaħħu fl-aħħar ġimgħat, filwaqt li l-ewro kompla jiddgħajjef xi ftit meta mqabbel ma’ diversi muniti. Fl-aħħar sigħat, l-aġenzija internazzjonali Moodies tat tnaqqis fil-gradi lil 82 bank Ewropew, iżda dan jidher li ma tantx ħalla effett fuq il-prezz tal-ishma.

Il-prezz tad-deheb kompla nieżel, hekk kif aktar investituri qed jinvestu fis-swieq finanzjarji wara perjodu ta’ inċertezza.

Bit-tazza tad-dinja tal-football tibda ftit jiem oħra, l-ekonomija Brażiljana bdiet tbatti u nuqqas ta’ kunfidenza tal-konsumatur qed tkompli titfa’ dell ikrah fuq il-pajjiż. Madankollu, swieq oħra emerġenti fl-aħħar jiem raw l-aħjar riżultati sa minn nofs l-2009.

L-Indja rat tkabbir ta’ 4.6% fl-ekononija tagħha fl-ewwel kwart tal-2014. Bosta analisti qalu li dan hu riżultat diżappuntanti u jqisu li l-Indja għandha potenzjal ta’ tkabbir ta’ 8% fis-sena.

Studji li saru juru li l-bliet fejn trid tħallas l-aktar għal akkomodazzjoni turistika f’dan iż-żmien huma Ġinevra, Dubaj u Miami.

Dan l-artiklu hu miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd | www.mpmci.net | tel: 21493250

L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma pprovduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment.