Futbol Sport

Del Bosque jitlob l-aħħar sforz

Il-kowċ nazzjonali ta’ Spanja Vicente Del Bosque talab l-aħħar sforz minn naħa tal-players wara staġun impenjattiv. Il-kampjonat Spanjol ġie deċiż proprju fl-aħħar ġurnata fejn Atletico Madrid ġew inkurunati champions hekk kif fl-aħħar logħba ġew draw kontra Barcelona li spiċċaw tliet punti taħthom. Fit-tielet post spiċċaw Real Madrid, ukoll tliet punti taħt Atletico Madrid. Barra minn hekk, Atletico u Real kienu involuti fil-finali taċ-Champions League fl-24 ta’ Mejju.

“Il-maġġoranza tal-players kellhom staġun imprenjattiv ħafna. Jien qed nitlobhom l-aħħar sforz, anke jekk naf li hu diffiċli. Waqt it-taħriġ qed jagħtu l-massimu biex fit-13 ta’ Ġunju, fl-ewwel logħba, jkunu fl-aqwa kundizzjoni,” qal Del Bosque. Fil-fażi tal-gruppi Spanja tilgħab kontra l-Olanda, ċ-Ċile u l-Awstralja. L-ewwel logħba tagħhom se tkun kontra l-Olanda, it-tim li fl-2010 lagħab kontrihom fil-finali tat-Tazza tad-Dinja li saret fl-Afrika t’Isfel.

S’issa Del Bosque għadu qed jistenna biex jara jekk l-attakkant ta’ Atletico, Diego Costa, hux se jilħaq jirkupra mill-injury li sofra fl-aħaħr logħba tal-kampjonat kontra Barcelona. L-istess Costa kellu jħalli l-grawnd wara biss disa’ minuti fil-finali taċ-Champions League għax reġa’ ħass l-uġiegħ fil-groin. Player ieħor li għadu mhux ċert hux se jilħaq jirkupra hu Jesus Navas ta’ Man City. Del Bosque għandu sa nhar it-Tnejn li ġej ċans biex iħabbar il-lista ta’ skwadra finali li se tikkompeti fil-Brażil.

Fl-istess waqt Del Bosque żvela li Alvaro Negredo ta’ Man City x’aktarx se jkun jifforma parti mill-iskwadra finali, anke jekk ma kienx mgħajjat mat-tim li l-bieraħ lagħab partita ta’ ħbiberija kontra l-Bolivja. Għal logħba kontra l-Bolivja Del Bosque sejjaħ lill-winger żagħżugħ ta’ Barcelona Gerard Deulofeu u jekk ikun hemm xi players li ma jirkuprawx Del Bosque qal li Deulofeu x’aktarx ikun mgħajjat mal-iskwadra finali għall-Brażil.

Prandelli ottimist
Il-kowċ nazzjonali tal-Italja Cesare Prandelli qal li hu fiduċjuż li l-attakkant Giuseppe Rossi jilħaq jirkupra għat-Tazza tad-Dinja. Il-player ta’ Fiorentina irritorna għal logħob fl-aħħar fażi tal-istaġun wara erba’ xhur barra b’injury f’irkopptu. “Minn kif sejrin l-affarijiet ninsab ottimist li se jirkupra. S’issa it-testijiet mediċi li għamel Rossi kienu pożittivi. Fl-aħħar tal-istaġun lagħab għal siegħa sħiħa waqt logħba u barra minn hekk ilu għaxart ijiem jittħarreġ b’mod regolari,” qal Prandelli.

Rossi hu mistenni jilgħab parti mill-partita ta’ ħbiberija li se tilgħb l-Italja llejla fi Craven Cottage kontra l-Irlanda u skont Prandelli dan se jkun test importanti għall-eks player ta’ Man Utd.

Rigward il-preparazzjoni għat-Tazza tad-Dinja tul dawn l-aħħar ġimgħatejn Prandelli qal li hu ferm sodisfatt bl-affarijiet li ra. “Kienet fażi fejn tlabna lill-players biex jagħtu l-massimu u fażi fejn waqtha evalwajna kemm jifilħu jsofru l-players. Bejn wieħed u ieħor kullħadd qiegħed fl-istess livell ta’ kundizzjoni fiżika,” spjega Prandelli.

Tabarez ifittex sostitut ta’ Suarez
Oscar Tabarez, il-kowċ nazzjonali tal-Urugwaj qed jesperimenta biex ifittex player kapaċi jimla l-vojt li jista’ jħalli l-attakkant Luis Suarez jekk dan tal-aħħar ma jilħaqx jirkupra għat-Tazza tad-Dinja. Ġimgħa ilu l-attakkant ta’ Liverpool weġġa’ waqt sessjoni ta’ taħriġ u kellu jkun operat u s’issa l-ewwel rapporti qed isostnu li Suarez se jitlef tal-anqas l-ewwel logħba minn Grupp D. Fil-fażi tal-gruppi l-Urugwaj jilgħab kontra l-Costa Rica, l-Italja u l-Ingilterra. L-ewwel logħba tal-Urugwaj se tkun dik kontra l-Costa Rica. Jidher li l-players li qed jissieltu għall-post fit-tim huma Diego Forlan, Christian Stuani u Abel Hernandez. Jekk Suarez ma jirkuprax fl-attakk tal-Urugwaj jibda Cavani flimkien ma’ wieħed minn dawn it-tliet players.

Boateng irid jilgħab fid-difiża

Il-ġermaniż Jerome Boateng qal li waqt it-Tazza tad-Dinja jippreferi jilgħab bħala difensur ċentrali. Il-player ta’ Bayern hu wieħed versatili u tul il-karriera tiegħu lagħab anke bħala midfielder imma f’intervista li ta wara sessjoni ta’ taħriġ fl-Italja, Boateng qal, “Li kieku kelli nagħżel, nagħżel li nilgħab fin-nofs tad-difiża. Tul dawn l-aħħar żewġ staġuni ma’ Bayern dik kienet l-aktar pożizzjoni li lgħabt fiha u nemmen li nuri l-aħjar logħob proprju f’dik il-pożizzjoni,” qal Boateng.
Aktar kmieni din il-ġimgħa il-captain Philipp Lahm qal li jippreferi jilgħab fuq in-naħa leminija tad-difiża jew inkella quddiem id-difiża.

Il-Costa Rica mingħajr Saborio
L-attakkant tal-Costa Rica Alvaro Saborio se jitlef it-Tazza tad-Dinja wara li sofra ksur f’siequ l-leminija. Saborio, player ta’ Real Salt Lake se jdum barra mill-azzjoni madwar erba’ xhur u din hi daqqa ta’ ħarta għall-Costa Rica li se jkun mingħajr player li mat-tim nazzjonali sab ix-xibka 32 darba f’93 dehra.

It-trio ta’ Real mall-Portugall
It-tliet players ta’ Real Madrid, Cristiano Ronaldo, Pepe u Fabio Coentrao ingħaqdu mal-kumplament tal-iskwadra li bħalissa qed tħejji għat-Tazza tad-Dinja b’kamp ta’ taħriġ fil-belt ta’ Obidos fil-Portugall.
Dawn it-tlieta ingħataw permess biex jieħdu ftit jiem żejda ta’ mistrieħ wara li kienu involuti fil-finali taċ-Champions League ta’ ġimgħa ilu. Ronaldo ma ħax sehem f’sessjoni ta’ taħriġ minħabba li kien kemmxejn miġugħ. Il-winger ta’ Real Madrid hu wieħed minn erba’ players, Meireles, Almeida, Amorim u Joao Moutinho, li bħalissa qed jirkupraw minn xi injuries ħfief. Dawn il-ħames players mhux mistennija jilagħbu fil-logħba ta’ ħbiberija ta’ llum kontra l-Greċja.
Fil-fażi tal-gruppi l-Portugall se jilgħab kontra l-Istati Uniti, l-Ghana u l-Ġermanja bl-ewwel logħba tkun fis-16 ta’ Ġunju kontra l-Ġermaniżi.

David Cameron iżur l-iskwadra Ingliża
L-iskwadra Ingliża għamlet l-aħħar preparamenti tagħha fil-preżenza tal-Prim Ministru Ingliż David Cameron qabel l-ewwel minn tliet partiti ta’ ħbiberija. L-ewwel waħda kienet dik kontra l-Peru`.
Illum l-iskwadra Ingliżi tmur Miami għal żewġ logħbiet oħra, waħda kontra l-Ekwador u oħra kontra l-Honduras.
Waqt it-taħriġ fil-Midlands, David Cameron għamel ħin twil jtkellem mal-kowċ nazzjonali Roy Hodgson, il-captain Steven Gerrard u l-viċi captain Frank Lampard.
L-Ingilterra tiftaħ l-impenji tagħha fi Grupp D tat-Tazza tad-Dinja nhar is-Sibt 14 ta’ Ġunju f’Manaus kontra l-Italja.

Telfiet għall-Kamerun u l-Honduras
Il-Kamerun u l-Honduras, żewġ timijiet li se jkunu qed jieħdu sehem fit-Tazza tad-Dinja sofrew telfiet kontra l-Paragwaj u kontra t-Turkija f’partiti ta’ ħbiberija. L-Afrikani tilfu 2-1 kontra t-Paragwaj u issa l-logħba li jmisshom se tkun l-ewwel waħda mill-fażi tal-gruppi kontra l-Messiku fit-13 ta’ Ġunju. Aktar kmieni din il-ġimgħa l-Kamerun kien rebaħ partita ta’ ħbiberija bi skor ta’ 2-0 kontra l-Maċedonja. Fil-logħba l-oħra t-Torok għelbu lill-Honduras 2-0. Fil-fażi tal-gruppi l-Honduras se jilagħbu kontra l-Iżvizzera, Franza u l-Ekwador.