Editorjal

Editorjal: Elementi interessanti fl-elezzjoni Ewropea

Ir-riżultat tal-elezzjoni tal-Parlament Ewropew fih ħafna analiżi politika li trid issir, speċjalment min-naħa tal-Partit Nazzjonalista, imma kien fih ukoll elementi oħrajn li ta’ min jinnutahom.

Biex ma nibqgħux l-aħħar fl-Ewropa
L-ewwel dwar l-għadd innifsu. Għandna sistema elettorali tajba li użajnieha għal dawn l-aħħar 100 sena b’irfinaturi. Imma żgur jonqosha aktar irfinar: l-għadd tal-voti jrid ikompli jitħaffef kif ġa tħaffef fl-aħħar 25 sena. U dan jiddependi fuq il-fiduċja tal-partiti f’xulxin. Ikun tajjeb insibu soluzzjoni biex ma nibqgħux l-aħħar fl-Ewropa.

Il-vot jaħmel in-numri kollha
Il-vot innifsu rridu wkoll noqogħdu attenti kif nimlewh. Il-Partit Nazzjonalista tenna għal ħafna drabi biex kull min jivvutalu jagħti numru lil kull kandidat tiegħu. Kemm kellu raġun! Għax il-vantaġġ ta’ 2,300 vot li l-Partit Nazzjonalista kellu fl-ewwel count għat-tielet siġġu niżel drastikament fl-għadd. Il-vot jaħmel in-numri kollha.

Għarfien tan-nisa mill-elettorat kollu
Mir-rappreżentanti tagħna fil-Parlament Ewropew, issa għandna erba’ nisa minn sitta. Bla ma saret xi kampanja biex in-nisa jivvutaw lin-nisa, l-elettorat sħiħ – mhux in-nisa biss – fehem kemm hu importanti l-kontribut tan-nisa. Żvilupp tajjeb ħafna.

Sant fuq is-siġġu li ssielet biex ebda Malti qatt ma jkollu
Fuq livell aktar politiku, l-MEPs tal-Labour ikomplu bil-kontradizzjoni. Kollha kienu vvutaw kontra s-siġġu li ħarġu għalih, u issa, dak li l-aktar issielet biex l-ebda Malti qatt ma jkollu siġġu fi Brussell u Strasbourg, mar għalih hu. Kontradizzjoni bħal ta’ Muscat qablu.

Żewġ pożizzjonijiet, fejn qablilhom, li huma kontradizzjoni
Alfred Sant se jpoġġi fuq is-siġġu li kien qal li jeżisti biss biex jissaħħan. Karmenu Mifsud Bonnici, għallinqas, baqa’ konsistenti. Sant u Muscat għandhom pożizzjoni fuq l-Ewropa; għal waħda tnejn. Kontra biċ-ċar; imma fejn qablilhom personalment, favur. U dawn mhumiex żewġ pożizzjonijiet; huma kontradizzjoni kbira.

Ħafna kwalità fil-ħdax-il kandidat tal-Partit Nazzjonalista
Il-kandidati tal-Partit Nazzjonalista ma kellhom l-ebda kontradizzjoni. Anzi tara ħafna kwalità fil-ħdax li kienu. Għamlet xogħol tajjeb ħafna l-kummissjoni li kien waqqaf il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Simon Busuttil, biex tagħżel il-kandidati li jridu jkunu l-wiċċ tal-Partit Nazzjonalista issa u fil-futur fl-elezzjonijiet.

Żvilupp li qed jibda jagħti wiċċ ġdid lill-Partit Nazzjonalista
Immexxija mill-eks-Kummissarju Ewropew Joe Borg, din il-kummissjoni għażlet kandidati li jixirqu ħafna lill-pajjiż. U kienet żvilupp tajjeb – anke jekk forsi sieket – fil-Partit Nazzjonalista. Dawk mill-kandidati li ma telgħux żgur għandhom ħafna aktar kontribut x’jagħtu fil-Partit Nazzjonalista u fil-pajjiż. Ninkoraġġuhom.