Lokali

Enfażizzata l-importanza tal-kooperazzjoni bejn l-ewroparlamentari Maltin

L-importanza li s-sitt ewroparlamentari Maltin jaħdmu flimkien u jikkoperaw fl-impenji tagħhom fil-Parlament Ewropej kienet enfażizzata waqt laqgħat uffiċjali li l-ewroparlamentari Maltin kellhom mal-Prim Ministru Joseph Muscat u mal-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil.

Fiż-żewġ laqghat kien enfażizzat il-kontribut kbir li għandhom x’jagħtu l-ewroparlamnetari Maltin, bil-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil jenfażizza l-impenn li għandu jkollhom l-ewroparlamentari biex ikunu fatturi ta’ bidla tal-mod kif issir il-politika f’Malta, biex din issir fuq livelli Ewropej.

Fil-laqgħa f’Kastilja, il-Prim Ministru qal li din kienet elezzjoni li se timmarka bidla fil-poplu Malti, għall-fatt li kienu eletti erba’ ewroparlamentari nisa minn sitta.

Joseph Muscat appella lill-ewroparlamentari Maltin biex minkejja li ġejjin minn pariti differenti, huma jsibu l-mod kif jaħdmu flimkien. Fil-kumemnt tiegħu l-Kap tad-delegazzjoni Laburista Alfred Sant esprima l-impenn tad-delegazzjoni Laburista li taħdem favur l-interessi ta’ Malta fil-Parlament Ewropej.

Il-Kap tad-delegazzjoni tal-PN fil-Parlament Ewropew David Casa qabel mal-pożizzjoni espressa mill-Kap tad-delegazzjoni Laburista u sostna li d-delegazzjoni tal-PN se tkun qed taħdem b’mod leali favur l-interessi ta’ Malta.

David Casa sostna li dan ma jfissirx li ż-żewġ delegazzjonijiet mhux se jkollhom opinjonijiet differenti iżda l-impenn lejn il-pajjiżi se jibqa’ l-fattur li jiddetermina l-ħidma politika. L-ewroparlamentari Nazzjonalista David Casa spjega li fil-maġġoranza tal-każi, iż-żewġ delegazzjonijiet jaqblu bejniethom fil-parlament Ewropew.

Fil-laqgħa mal-Ewroparlamentari fid-Dar Ċentrali tal-PN, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil kien akkumpanjat mill-President tal-Kumitat Eżekuttiv tal-PN Marthese Portelli. Simon Busuttil tkellem dwar ir-rwol li għandhom l-Ewroparlamentari Maltin biex jinbidel il-mod kif issir il-politika f’Malta. Simon Busuttil qal li l-aħħar elezzjonijiet fl-Ewropa se jġibu realta’ politika li fiha l-Popolari u s-Soċjalisti jridu jaħdmu iktar flimkien. Dan wara r-riżultati li kisbu partiti estremi.

Il-Kap tal-PN sostna li minkejja li din tista’ tkun sitwazzjoni ironika, fir-realtá, l-Popolari u s-Soċjalisti jistgħu jkunu determinati biex jinbidel il-mod kif issir il-politika. Filwaqt li rrifera għall-esperjenza tiegħu bhala ewroparlamentari qabel sar Kap tal-PN, Simon Busuttil qal li l-esperjenza Ewropea għandha tqarreb iż-żewġ delegazzjonijiet Maltin biex isaħħu l-kooperazzjoni bejniethom. Flimkien mal-Kap tal-Oppożizzjoni kien hemm ukoll il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalist għall-Affarijiet Ewropej Marthese Portelli.