Lokali

Federica Falzon b’kunċert fl-Italja

Federica Falzon, il-kantanta ċkekjna Maltija li rebħet l-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ Ti Lascio Una Canzone fuq Rai Uno, nhar il-Ħadd se tieħu sehem f’kunċert imtella’ minn Vincenzo Carni f’Isola di Capo Rizzuto, fil-provinċja ta’ Crotone fl-Italja.

Kien Carni stess, il-kantant li akkumpanja lil Federica matul is-sensiela kollha ta’ dan il-konkors fuq l-istazzjon nazzjonali Taljan li attira udjenza ta’ miljuni, li stieden lill-kantanta Maltija biex tingħaqad miegħu u flimkien joffru spettaklu uniku bit-talenti tal-kant tagħhom, u dan b’ringrazzjament għall-appoġġ li ngħataw tul is-sensiela.

Il-kunċert se jsir fi Piazza del Popolo, il-pjazza prinċipali tar-raħal li minnu jiġi t-tenur żagħżugħ Carni. Il-kunċert se jibda fid-disgħa ta’ filgħaxija u mistennija jattendu għalih eluf ta’ nies.

Fil-finali ta’ ‘Ti Lascio una Canzone’, id-duo ta’ kantanti kantaw żewġ siltiet, Il Mare Calmo della Sera u Un Amore Cosi Grande. Kien b’din tal-aħħar li ż-żewġ kantanti waslu fil-finali fejn infetaħ it-televoting għal darb’oħra u d-duo kien proklamat bħala r-rebbieħ ta’ dan il-programm.

Ġimgħa wara d-duo Malti-Taljan ħa sehem ukoll fil-“Coppa delle Coppe”, edizzjoni speċjali fejn jiġu mistiedna r-rebbieħa ta’ kull edizzjoni passata ta’ dan il-programm. Huma kklassifikaw fit-tieni post minn fost l-aqwa talenti li pproduċa Ti Lascio una Canzione.

It-tenur Taljan xtaq li jorganizza l-kunċert ta’ nhar il-Ħadd biex jirringrazzja liċ-ċittadini tal-lokal fejn twieled, tal-appoġġ u s-sapport li tawh matul l-avventura tiegħu u ta’ Federica.

Aktar tard dan is-sajf, Federica se tkun qed takkumpanja wkoll lit-Tenur Malti Joseph Calleja fil-kunċert anwali tiegħu f’pajjiżna, li din is-sena se jsir fit-18 ta’ Lulju li ġej fuq il-Fosos tal-Furjana.