Internazzjonali

Filmat: Splużjoni ta’ tanker taż-żejt ‘il barra mill-kosta Ġappuniża

L-awtoritajiet Ġappuniżi jinsabu f’ħidma intensiva biex jitfu nirien li ħakmu tanker taż-żejt ‘il barra mill-kosta Ġappuniża. L-ewwel rapporti fil-media internazzjonali juru li l-kaptan tat-tanker għadu ma nstabx, filwaqt li s-seba’ membri tal-ekwipaġġ abbord it-tanker kienu salvati. Madankollu, erbgħa minn dawn hu rrappurtat li għandhom feriti gravi kawża tal-ħruq li ġarrbu.

Il-kumpanija li għandha t-tanker irreġistrat f’isimha qalet li l-merkanzija taż-żejt kienet diġà tniżżlet f’port fiż-żona ta’ Hyogo sakemm seħħet l-isplużjoni. Ir-rapporti fil-media qed jgħidu li l-isplużjoni seħħet minħabba li wieħed mill-membri tal-ekwipaġġ kien qed jagħmel xi xogħol bi grinder ‘il bogħod mit-tank tal-fuel.

Kif sema’ b’dak li ġara, il-Prim Ministru Ġappuniż Shinzo Abe interrompa dibattitu li kien għaddej fil-Parlament biex iħabbar l-inċident lin-nazzjon.