Il-Prosekuzzjoni temmet il-provi tagħha fil-każ tal-ġuri li qed jinstema’ bil-magħluq u li beda jinstema t-Tlieta li għadda, li fih missier ta’ 35 sena qed jiġi akkużat li stupra lil bintu, li fi żmien l-allegat każ kellha tmien snin. Tard ilbieraħ waranofsinhar xehdu l-omm u l-allegata vittma, li llum għandha 16-il sena. Ir-raġel qed jiġi mixli b’erba’ kapi ta’ akkuża, fosthom ukoll li żammha u ssekwestraha kontra l-volontà tagħha, kif ukoll li kkorrompiha.
Hu qed jiġi akkużat ukoll li ġibed filmat tiegħu waqt att sesswali ma’ mara waqt li kien qed iżomm f’idejh tifla ta’ tliet snin. Issa, wara li d-difiża ttemm il-provi tagħha, jibdew is-sottomissjonijiet legali taż-żewġ partijiet bl-indirizz finai tal-Imħallef Michael Mallia. Il-verdett mistenni jiġi deċiż it-Tnejn, f’każ fejn l-ebda xhud, l-ebda isem u l-ebda raħal jew villaġġ ma jista’ jissemma’ fuq il-mezzi tax-xandir.
Il-każ huwa dwar stupru li kien seħħ fil-11 ta’ Ottubru 2006. Dak iż-żmien, il-Pulizija kienu rċevew rapport mingħand omm, li kienet qalet li bintha ġiet stuprata mill-missier. Il-Pulizija kienu tkellmu mat-tifla u magħhom kellmuha wkoll xi social workers. It-tifla stqarret li f’diversi okkażjonijiet missierha kien jagħmel atti oxxeni fil-preżenza tagħha u kien ikun intimu ħafna magħha, tant li anke ġieli kellu x’jaqsam magħha.
Minħabba li t-tifla kienet tipprova twaqqaf lil missierha għax kien iweġġagħha, jidher li hu kien jissodisfa lilu nnifsu billi jagħmel atti oħra abbużivi u sesswali fil-konfront ta’ bintu.
Sadanittant, waqt li kienet qed issir l-investigazzjoni, il-Pulizija sabet filmat fil-mobile tal-akkużat u li kien inġibed minnu stess f’Awwissu 2006. Fil-filmat, ir-raġel kien jidher involut f’atti sesswali ma’ mara, filwaqt li kien qed iżomm lil bintha ta’ tliet snin f’idejh. Dan jidher li ġie kkonfermat ukoll mill-akkużat stess, li qal ukoll li l-mara ma kinitx konxja li kien qed jiġbed il-filmat.
Il-Prosekuzzjoni, immexxija mill-Assistent Avukat Ġenerali Philip Galea Farrugia u l-avukat Nadia Camilleri, qed jakkużaw lir-raġel b’erba’ akkużi, li kollha jġorru pieni ta’ priġunerija u li wħud minnhom jistgħu jitilgħu wkoll sa 30 sena ħabs f’każ ta’ ħtija. Għall-akkużat qed jidher l-avukat Joe Brincat.
//= $special ?>