Il-Qorti tal-Appell Kriminali preseduta mill-Imħallef Antonio Mizzi qalet li hija ma tistax tmur kontra sentenza mogħtija mill-istess Qorti u għalhekk m’għandhiex is-seta’ li tagħti l-liberta’ proviżorja fil-konfront tar-raġel li ilu l-ħabs għal aktar minn sena fuq każ ta’ abbuż fuq bintu, liema każ ħa żvolta oħra wara li l-istess bintu qalet li kienet ommha stess li ġegħlitha tgħid li missierha abbuża minnha.
Aktar qabel matul il-jum l-Imħallef Laurence Quintano astjena mill-każ peress li qal li hu kien l-Imħallef li sema’ u kkonferma s-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Maġistrati fuq l-istess każ, fejn ir-raġel kien ikkundannat sentejn ħabs. L-Imħallef Quintano qal ukoll li bħala Imħallef tal-Għassa ma setax jieħu kompitu ta’ dan il-każ.
Sadanittant fuq l-istess każ, il-Qorti Kostituzzjonali preseduta mill-Imħallef Joseph R. Micallef qalet li se tiddeċiedi l-ġimgħa d-dieħla fuq it-talba tal-ħelsien li saret mir-raġel.
Il-Qorti tal-Appell Kriminali preseduta mill-Imħallef Laurence Quintano qalet li kienet qiegħda tastjeni mill-każ għax kienet hi li semgħet l-appell tal-istess każ, li biha kienet ġiet ikkonfermata sentenza ta’ sentejn ħabs għax l-Imħallef Quintano il-Ġimgħa, nzerta li huwa Imħallef tal-Għassa.
Hekk kif ħareġ mill-awla tal-Imħallef Quintano, r-raġel ilfaqa’ jibki għax iċ-ċansijiet li jinħeles il-Ġimgħa stess saru remoti ħafna, jekk mhux imposibbli. Issa l-Avukat Difensur Tonio Azzopardi kellu jinforma lill-Prim Imħallef Silvio Camilleri bil-każ, fejn kollox jindika li dan issa se jiġi assenjat lil mħallef ieħor.
It-talba mir-raġel għall-ħelsien qed issir wara li allegatament t-tifa kienet imġiegħla minn ommha biex tixhed li missiera abbużha minnha, fejn dan ma kienx vera.
Il-każ quddiem il-Qorti tal-appell kriminali sar bil-magħluq fuq talba tal-Avukat Ġenerali. Sadanittant bejn il-bieraħ u llum talba għall-ħelsien tar-raġel diġa saret lill-President ta’ Malta, din biex titħassar is-sentenza, ftit tal-ħin ilu ġie ppreżentat appell fil-Qorti tal-Appell Kriminali preseduta mill-Imħallef Laurence Quintano. Huwa qed jitlob biex illum stess jinħeles mill-ħabs.
Ir-raġel kien ikkundannat sentejn ħabs, liema sentenza ġiet ikkonfermata wkoll mill-Qorti tal-Appell, iżda jumejn ilu kien hemm żviluppi ġodda. Minħabba f’hekk l-omm tressqet il-qorti u ġiet mixlija li tat xhieda falza.
//= $special ?>

