Lokali

Il-UĦM tirreġistra tilwima industrijali mal-Malta International Airport

It-Taqsima Port u Trasport tal-UĦM illum irreġistrat tilwima industrijali mal-Malta International Airport (MIA) minħabba d-deċiżjoni li ħadet il-kumpanija li tkompli tagħmel outsourcing ta’ diversi sezzjonijet ġewwa l-istess MIA. Fost dawn is sezzjonjiet hemm dik tal-Customer Service Attendants, tal-Informational Technology, Information Management, Electronics u Networks.

Fi stqarrija l-UĦM qalet li fil-jiem li għaddew għamlet diversi laqgħat mal-ħaddiema se jkunu effetwati u ressqet protest ġudizzjarju kontra l-MIA, bil-għan li l-MIA taċċetta li tibda l-proċess ta’ konsultazzjoni kif tistipula il-liġi.

Il-UĦM saħqet li l-MIA għadha m’aċċettatx li tikkonsulta magħha fuq din il-kwistjoni tant prekarja għall-ħaddiema u minflok jidher li qed tkompli timplimenta dan il-proċess ta’ outsourcing minn wara dahar il-unions u l-istess ħaddiema. Dan kollu mhux aċċettabbli sostniet il-UĦM, li permezz ta’ ittra indirizzata lill-management tal-kumpanija, mis-Segretarju tat-taqsima Port u Trasport tal-UĦM Martin Caruana, irreġistrat tilwima industrijali.

Fl-istqarrija l-UĦM iddikjarat li se tkompli taħdem fl-interess tal-ħaddiema kollha tal-MIA u mhux eskluż li tirrikorri għall-miżuri oħra biex tkompli tissalvagwardja l-interessi tal-membri tagħha.