Lokali Parlament

Filmat: Is-seduti tal-Parlament fil-bini l-ġdid wara s-Sajf – l-iSpeaker Anġlu Farrugia

Rapport tal-Ispeaker għal aktar awtonomija amministrattiva għall-Parlament

Is-seduti tal-Parlament se jibdew isiru fil-bini l-ġdid tal-Parlament wara l-waqfa tas-Sajf li ġej bejn Settembru u Ottubru ta’ din is-sena tant li l-migrazzjoni għall-Parlament il-ġdid se tibda malli jieqaf il-Parlament għall-vaganzi tas-Sajf. Il-ħsieb hu wara l-laqgħat tal-Kumitati Parlamenti, issa anke s-seduti tal-Plenarja jibdew jixxandru viżwalment fuq l-internet b’mod dirett.

L-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anġlu Farrugia ħabbar dan f’kummenti lil maltarightnow.com dwar ir-rapport li ħejja bl-iskop li l-Parlament Malti, li hu l-ogħla istituzzjoni fil-pajjiż, ikollu iktar awtonomija amministrattiva. Dan ir-rapport, li hu r-riżultat ta’ kummissjoni li l-Ispeaker kien ħatar f’April li għadda bl-iskop li l-Parlament ikollu l-awtonomija amministrattiva, diġa’ kien ippreżentat lil Prim Ministru Joseph Muscat u lil Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil u mistenni jkun diskuss fil-Kumitat Parlamentari dwar ix-Xogħol tal-Kamra.

L-Ispeaker fakkar li llum il-Parlament mhux biss hu ffurmat mill-Kamra tar-Rappreżentanti imma jinkludi wkoll 11-il Kumitat Parlamentari u x-xogħol tal-Parlament żdied ukoll wara li Malta saret membru tal-Unjoni Ewropea għaxar snin ilu u llum hemm it-Trattat ta’ Liżbona.

Anġlu Farrugia qal li r-rapport dwar l-awtonomija amministrattiva hu skont id-direttiva tal-International Parliamentary Union u tal-Commonwealth bl-iskop li l-Parlamenti Malti jkun ħieles u awtonomu u ma jkollu l-ebda irbit, influwenza jew indħil mill-Amministrattiv.

L-istudju li sar biex jitħejja r-rapport tal-Ispeaker, wera li Malta hi l-uniku pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea fejn il-Parlament nazzjonali m’għandu l-ebda awtonomija, tant li Malta hi agħar minn Ċipru li hu pajjiż maqsum. Ir-rapport wera biċ-ċar li hemm bżonn issir tibdila drastika u jkun hemm liġi għas-servizzi Parlamentari li anke kienet ippreżentat bħala abbozz mar-rapport innifsu. Il-proposta hi li n-nies li jaħdmu fil-Parlament ma jkunux membri taċ-Ċivil, imma jkunu biss assenjati mal-Parlament.
Hu qal li bħalissa l-Parlament m’għandux l-awtonomija amministrattiva tant qisu dipartiment ieħor tal-Gvern, kemm f’dak li hu baġit, kemm f’dawn li huma ħaddiema li huma membri taċ-Ċivil, tant li biex jingaġġa lil xi ħadd irid jitob lil gvern tal-ġuranta, jiġifieri lil Ministru tal-Finanzi. Fakkar li l-Baġit tal-Parlament joħroġ wara l-Baġit tal-Gvern u jaqa’ taħt il-vot ġenerali.

L-Ispeaker qal li dan ma jagħmilx sens tant li l-baġit tal-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali u anke tal-Ombudsman għandhom ċerta awtonomija u l-baġit tagħhom jaqa’ taħt il-Fond Konsolidat. Imma l-baġit tal-Parlament m’għandux l-istess awtonomija.

Hu qal li r-rapport hu bbażat fuq pjan ta’ tliet snin u jaħseb biex il-Kumitat tax-Xogħol tal-Kamra japprova l-baġit għall-Parlament li jkun marbut mal-Fond Konsolidat. L-Ispeaker fir-rapport tiegħu jgħid li biex il-Parlament Malti jaħdem b’mod adegwat, jeħtieġ staff ta’ mill-inqas 80 persuna u dan biex almenu jkunu fl-istandards minimi Ewropej. Fakkar li pajjiżi oħra Ewropej l-istaff tal-Parlament hu medja ta’ tlieta għal kull Deputat Parlamentari. Bħalissa l-istaff tal-Parlament Malti hu ta’ madwar 43 persuna u għalhekk tal-inqas irid jirdoppja biex bħala medja jkun hemm 1.16 għal kull wieħed mid-69 Deputat Parlamentari. Fost il-ħaddiema tal-Parlament għandu jkun hemm research analysts, skrivani u oħrajn. Hu saħaq li l-istaff tal-Parlament għandu jkun ‘il fuq minn kull influwenza politika.

Anġlu Farrugia fakkar li x-xogħol tal-Parlament żdied b’mod qawwi fl-aħħar snin, anke bir-responsabbiltajiet ġodda li ġabet magħha s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Imma l-istaff tal-Parlament baqa’ wieħed prattikament baxx ħafna u hu l-inqas fil-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk ix-xogħol qed isir b’sagrifiċċji kbar minn dawn il-ħaddiema.

L-Ispeaker qal li kemm il-Prim Ministru kif ukoll il-Kap tal-Oppożizzjoni jaqblu li pajjiżna għandu jimxi fid-direzzjoni ta’ aktar awtonomija amministrattiva għall-Parlament. Hu qal ukoll li hemm bżonn emenda Kostituzzjonali biex l-Iskrivan tal-Kamra tar-Rappreżentanti jkun protett bil-Kostituzzjoni.

Dwar il-ħidma biex il-Parlament jibda jiltaqa fil-bini l-ġdid fid-daħla tal-Belt, l-Ispeaker qal li jekk kollox jibqa kif ippjanat, l-ewwel seduta Parlamentari wara l-waqfa tas-Sajf se ssir fil-bini l-ġdid u tkun imxandra viżwalment b’mod dirett fuq l-internet. Hu qal li hemm spazju biżżejjed fil-bini l-ġdid anke biex jiltaqgħu il-Kumitati Parlamentari u dan anke jista’ jsir b’sistema ta’ rotation. Hu qal li l-bini l-ġdid hu mgħammar bl-infrastruttura kollha meħtieġa biex anke l-Plenarja tibda tixxandar b’mod viżwali fuq l-internet, bħalma qed jixxandu l-Kumitat Parlamentari.

Anġlu Farrigia spjega li l-iktar ħinijiet fejn il-Parlament ikun segwit fuq ir-radju jew online hu fil-ħin tal-mistoqsijiet, filwaqt li l-laqgħat ta’ ċerti kumitati bħala Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi jkunu segwiti minn eluf ta’ nies, l-iktar meta jkunu qed jiġu diskussi issues jaħarqu. Hu qal li dan ma jeskludix il-possibbilta li l-Parlament Malti jkollu l-istazzjon tat-televiżjoni tiegħu bħal Parliament Channel li jkun indipendenti biex il-poplu Malti jkollu d-dritt ikun jaf b’dak kollu li qed isir mill-Parlament u mir-rappreżentanti tiegħu fil-Kamra tar-Rappreżentanti u jiskrutinja l-ħidma Parlamentari tagħhom.

Dawn l-iżviluppi kollha jeħtieġu Baġit li hemm bżonn li jirdoppja fuq li hu llum u l-Ispeaker qal li bħalma l-Gvern tal-ġurnata jsib il-flus għal proġetti oħra, għandu jasib ukoll il-flus għall-Parlament li hu l-ogħla isitituzzjoni tal-pajjiż.