Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Lokali

Is-sitt MEPs eletti Maltin huma individwi validi ħafna – il-GRTU

Il-GRTU esprimiet is-sodisfazzjon tagħha għall-grupp ta’ Membri Parlamentari Ewropej li ġew eletti f’isem Malta u ddeskrivietu bħala wieħed iffurmat minn individwi validi ħafna. Il-GRTU qalet li temmen li dawn is-sitt MEPs se jagħmlu suċċess għal pajjizna u se jkunu effettivi fil-ħarsien tal-intressi tan-negozji ż-żgħar u medji f’Malta.

Fi stqarrija, il-GRTU qalet li diġà għandha relazzjoni tajba ħafna ma’ wħud minn dawk eletti għax fil-passat kellha l-opportunità taħdem magħhom għall-benefiċċju tal-membri taghha. Hi ddeskriviet lill-MEPs Maltin bħala grupp li għandu kredenzjali tajbin, b’esperjenza li tipprometti ħafna. Madankollu l-GRTU fakkret li l-grupp ta’ MEPs Maltin hu wieħed żgħir ħafna u għalhekk enfasizzat l-importanza li d-Deputati Maltin fil-Parlament Ewropew jaħdmu flimkien ħalli jiżguraw li r-rappreżentanza taghna, minkejja li żgħira, tkun waħda effettiva.

Il-GRTU fakkret li hi hadet sehem attiv tul il-kampanja elettorali u rnexxielha tpoġġi l-prijoritajiet tal-membri tagħha fuq l-aġenda. Issa qed tappella lill-MEPs eletti biex jibqgħu qrib ir-rappreżentanti tan-negozju u jiżguraw li jkunu nfurmati kif il-proposti li jkunu ġejjin mill-Unjoni Ewropea se jaffettwaw l-SMEs. Il-GRTU enfasizzat ukoll l-importanza li l-MEPs jaħsbu bil-mentalità tan-negozji ż-żgħar u jikkunsidraw il-bżonnijiet partikolari ta’ pajjiżna u d-daqs tal-intrapriżi Maltin minflok japplikaw kejl wieħed għal kull sitwazzjoni.

Il-GRTU temmet tghid li fil-jiem li gejjin se tkun qed tistieden lill-MEPs Maltin għal laqgħa magħha biex tigi stabbilita u tkun tista’ tibda tithaddem working relationship bejn iż-żewġ naħat għall-ħames snin li ġejjin.