Din is-sena biss f’Aleppo kien hemm kważi 2,000 vittma minħabba attakki mill-ajru mir-reġim Sirjan. Minn dawn il-vittmi kien hemm 567 li kienu tfal u 283 li kienu nisa. Dan skont is-Syrian Observatory for Human Rights (SOHR).
Spiss ir-reġim Sirjan qed jużaw kontenituri kbar mimlija splussiv, imlaqqma barrel bombs, li qed jitwaddbu mill-ajruplani, imma l-aktar ħelikopters, fuq iż-żoni kontrollati mir-ribelli u f’Aleppo sar użu kbir minnhom. Imma l-problema b’dawn il-bombi hu li wieħed ma tantx jista’ jimmira u spiss jaqgħu fuq żoni residenżjali.
Skont is-SOHR kull jum imutu 14-il persuna minħabba dan it-tip ta’ bombi. F’Aleppo, l-ikbar belt Sirjana, hi x-xena tal-agħar ġlied fil-kunflitt Sirjan mill-2012. Ir-reġim Sirjan wettaq diversi attakk kemm mill-ajru kif ukoll mill-art kontra Aleppo fit-tama li jgħeleb ir-ribelli imma dawn s’issa għadhom qed jirreżistu fil-Lvant tal-belt. Skond is-SOHR aktar minn 162,000 persuna nqatlu f’dawn it-tliet snin ta’ kunflitt.
Sadattant qed ikomplu r-rapporti ta’ massakri mill-militanti Islamiċi li qed jiġġieldu kontra r-reġim Sirjan. Is-SOHR irrapportat li kien hemm 15-il persuna Kurda, fosthom sebgħat itfal u tliet nisa, li nqatlu minn militanti Islamiċi fil-Grigal tas-Sirjana.
Dan fost tħassib f’diversi pajjiżi tal-Punent għall-ammont ta’ ċittadini minn tagħhom li marru u qed imorru s-Sirja biex jiġġieldu flimkien mar-ribelli, spiss iżda mal-militanti Islamiċi.
Fl-isfond ta’ dan il-ġlied kollu, fit-3 ta’ Ġunju se ssir elezzjoni Presidenzjali fil-pajjiż. Elezzjoni li mistennija tikkonferma lil Bashar al-Assad fil-poter. Ħafna pajjiżi qalu li dan il-vot se jkun farsa imma r-reġim Sirjan qed isostni li din se tkun iċ-ċavetta għat-tmiem tal-kunflitt Sirjan.
M’hemmx dubju li Assad se jikseb it-tielet mandat tiegħu ta’ seba’ snin f’elezzjoni li qed jikkontestaw żewġ persuni oħra imma li ftit li xejn huma magħrufa fil-pajjiż.
//= $special ?>

