Lokali

L-Gvern għandu jiddiskuti l-petizzjoni dwar id-drittijiet tal-minoranzi

Filwaqt li qed issostni li ġabret eluf kbar ta’ firem dwar id-drittijiet tal-minoranzi, il-Federazzjoni Kaccaturi, Nassaba u Konservazzjonisti tgħid li l-Gvern għandu jiddiskuti din il-petizzjoni fil-Parlament għaliex skont il-kaċċaturi mhux ġust li jsir referendum dwar il-kaċċa fir-Rebbiegha.

Il-petizzjoni se titressaq quddiem il-Parlament nhar it-Tnejn filgħaxija u fiha huma qed jipproponu li ssir emenda għal-Ligi tar-Referenda biex din ma tiksirx id-drittijiet tal-minoranzi.

Din il-pożizzjoni kienet espressa mill-President tal-FKNK Joe Perici Calascione waqt konferenza tal-aħbarijiet li fiha hu attakka lil Arnold Cassola u Carmel Cacopardo, lill-Birdlife, lil żewg kandidati tal-PN għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, lill-Fondazzjoni Gaia, lill-Alternattiva Demokratika u lin-Nature Trust.

Perici Calascione qal li l-PL diġa laqa’ l-istedina tal-FKNK biex nhar it-Tnejn li ġej jirċievi l-petizzjoni iżda l-PN għad irid jagħti l-pożizzjoni tiegħu lill-Federazzjoni.

Il-kaċċaturi u n-nassaba ma jridux jiżvelaw għalissa kemm ġabru firem u qed isostnu li għandhom l-appoġġ ta’ diversi għaqdiet fosthom l-Assocjazzjoni tat-Tiġrijiet taż-Żwiemel, il-kollezzjonisti tal-armi, assoċjazzjoni ta’ kaccaturi minn New York, l-Għaqda Żwiemel u Kultura, l-Għaqdiet tas-Sajjieda Dilettanti Maltin, il-Malta Shooting Federation u bosta dilettanti tal-ħamiem.

Għall-Federazzjoni tal-Kaċċaturi u n-Nassaba il-kwistjoni tar-Referendum hi waħda dwar demokrazija u lesta tieħu l-passi kollha meħtiega fosthom dik li tieħu l-każ qudddiem il-qorti Kostituzzjonali.

Il-petizzjoni kontra l-kaċċa fir-Rebbiegha kienet deskritta mill-Federazzjoni Kaċċaturi u Nassaba bħala att ta’ vendikazzjoni kontra l-kaccaturi.