Ekonomija Lokali

L-iżbilanċ fil-finanzi tal-Gvern jiżdied fl-ewwel terz tal-2014

Fl-ewwel terz tal-2014, jiġifieri bejn Jannar u April, l-iżbilanċ fil-finanzi tal-Gvern żdied b’aktar minn €55 miljun biex issa jinsab fil-livell ta’ €238 miljun. Fl-ewwel erba’ xhur tal-2013, l-iżbilanċ fil-finanzi pubbliċi kien jammonta għal €183 miljun, jiġifieri fuq perjodu ta’ sena żdied b’aktar minn 30%.

Statistika uffiċjali tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) turi li l-iżbilanċ żdied għax minkejja li d-dħul tal-Gvern u n-nefqa żdiedu t-tnejn, iż-żieda fl-infieq hi ferm akbar minn dik fid-dħul. Dak li daħħal il-Gvern bejn Jannar u April 2014 żdied bi ftit aktar minn €53 miljun (6%), filwaqt li n-nefqa żdiedet b’€108 miljun (11%).

Iċ-ċifri tal-NSO juru li fl-ewwel erba’ xhur il-Gvern daħħal iżjed mill-Income Tax, mill-VAT u mill-Bolla. Madankollu, tidher nefqa akbar f’dik li hi l-ispiża rikorrenti, jiġifieri fost l-oħrajn għall-pagi taċ-Ċivil, filwaqt li għall-kuntrarju n-nefqa fuq proġetti kapitali naqset. Bl-istess mod, naqas ukoll l-ammont li l-Gvern nefaq fuq benefiċċji soċjali.

L-NSO jgħid ukoll li d-dejn nazzjonali issa jammonta għal kwazi €5,300 miljun, li jfisser żieda ta’ €359 miljun fuq l-istess perjodu tal-2013. Riżultat ta’ dan, żdiedu wkoll l-interessi li kellu jħallas il-Gvern fuq id-dejn tal-pajjiż.