Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Lokali Unjoni Ewropea

L-MEPs għandhom iżommu kuntatt mal-MEUSAC u l-unions biex ikollhom idejhom fuq il-polz tal-poplu

Il-Membri Parlamentari Ewropej eletti għandhom iżommu kuntatt mal-MEUSAC u mat-trejdunions Maltin b’mod individwali għax b’hekk ikollhom idejhom fuq il-polz ta’ dak li qed jiġi diskuss mir-rappreżentanti ta’ diversi setturi f’pajjiżna.

Kien dan l-appell li għamlu numru ta’ rappreżentanti ta’ unions Maltin waqt laqgħa tal-MEUSAC ma’ uħud mill-MEPs eletti fl-elezzjoni tas-Sibt li għadda. Fost dawk li għamlu dan l-appell, kien hemm is-Segretarju Ġenerali tal-Union Ħaddiema Magħqudin (UĦM) Josef Vella u l-President tal-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) Paul Pace.

L-MEP ġdida tal-Partit Nazzjonalista Therese Comodini Cachia saħqet dwar l-importanza li l-imsieħba soċjali jidentifikaw l-aspirazzjonijiet tagħhom għan-nies li jirrappreżentaw. Min-naħa tagħha, f’messaġġ li bagħtet, Roberta Metsola qalet li fil-ħidma tagħha se tkun qed tikkopera mill-qrib mal-MEUSAC. Metsola ma setgħetx tattendi għal-laqgħa minħabba li bħalissa tinsab fi Brussell.

L-MEP Laburista Miriam Dalli tenniet l-importanza li bħala rappreżentanta tal-poplu tkun taf x’inhuma t-temi ewlenin li jkunu qed jiġu diskussi fi ħdan il-MEUSAC, filwaqt li Alfred Sant qal li hu nteressat kif l-imsieħba soċjali janalizzaw l-iżviluppi fil-pajjiż u kif dawn jolqtu s-setturi li jirrappreżentaw.

Matul il-laqgħa, il-Kap tal-MEUSAC Vanni Xuereb fakkar ukoll li din il-laqgħa qed issir f’mument kruċjali meta l-MPEs se jkunu qed jagħżlu f’liema Kumitati se jkunu qed jaħdmu. Il-Ministru responsabbli mid-Djalogu Soċjali Helena Dalli spjegat li din l-istedina għall-MEPs se tibda ssir f’kull laqgħa tal-MEUSAC għax il-Gvern iqis li hu mportanti li l-MPEs ikunu infurmati b’dak li jkun qed jiġi diskuss f’dan il-Kumitat.