Qorti

Mhux ħati li kkorrompa tifla taħt l-età għax ir-relazzjoni li kellu kienet ma’ ommha, li “mhix kredibbli”

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Audrey Demicoli, illiberat raġel ta’ 49 sena minn Bormla għax ma nstabx ħati li kkorrompa tfajla ta’ 16-il sena, minn Bormla wkoll, u li pparteċipa f’attivitajiet sesswali magħha. Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti qalet li hemm dubji serji dwar il-kredibbiltà tat-tfajla u ta’ ommha għax kollox jindika li kienet l-omm li kellha relazzjoni mal-imputat u mhux it-tfajla.

Fil-fatt, mill-provi l-Qorti qieset diversi fatturi, fosthom li kemm l-omm u x’aktarx anke bintha kienu jitolbuh biex jixtrilhom ħafna affarijiet u li meta spiċċa xott mill-flus, heddewh, bl-omm tispiċċa tagħmel rapport lill-Pulizija li kien qed jabbuża minn bintha.

F’Mejju 2011, l-omm u bintha ta’ 16-il sena kienu marru jagħmlu rapport fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Bormla, bl-omm tallega li r-raġel kien abbuża sesswalment minn bintha. L-omm qalet li kienet issuspettat ħażin għax bintha kien qed ikollha ħafna flus meta din ma taħdimx. It-tifla qalet li kienet tmur fid-dar tar-raġel, ikollha x’taqsam miegħu u ta’ dan kien jagħtiha flus u rigali, fosthom laptop u anke diversi mobiles.

Ir-raġel kien ċaħad li kellu relazzjoni sesswali mat-tfajla. Tenna li r-relazzjoni tiegħu kienet mal-omm u mhux mal-bint u qal li f’diversi okkażjonijiet xtara rigali lill-omm u lil uliedha. Fil-Qorti, qal li l-omm bdiet tirrikattah biex jagħtiha aktar flus iżda hu ma kellux minn fejn jagħtiha aktar. Minħabba dan ir-rikatt, ġibed filmati waqt attività sesswali ma’ omm it-tifla biex hu jkun kopert. Iżda minkejja li ritratti minn dan il-filmat kienu esebiti fil-Qorti, l-omm ċaħdet li dik li tidher fir-ritratti kienet hi.

Xehdet ukoll oħt l-omm, li qalet li darba n-neputija marret għandha u qaltilha li ommha kienet qed tinsisti li jmorru jagħmlu rapport kontra r-raġel. Qaltilha wkoll li ommha kienet qed theddidha li tkeċċiha mid-dar jekk ma tagħmilx dak li kienet qed tgħidilha hi.

Il-Qorti qalet li dwar dan il-każ hemm żewġ verżjonijiet, iżda hemm dubji serji dwar il-kredibbiltà tal-omm u tat-tifla. Dan mhux biss minħabba l-komportament tagħom huma u jixhdu, iżda wkoll għax il-verżjoni tagħhom kienet kontradetta miz-zija. Il-Qorti qalet ukoll li mill-provi li semgħet, jirriżulta li din ma kinitx l-ewwel darba li l-omm għamlet rapporti fl-Għassa tal-Pulizija, fejn allegat abbużi simili. Dan iqajjem dubji li tuża’ din l-arma kull meta jkollha kwistjoni ma’ xi ħadd. Għaldaqstant, il-Qorti ma sabitx lill-imputat ħati u lliberatu minn kull akkuża.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Jesmond Borg, filwaqt li l-avukati Andy Ellul u Vince Micallef dehru għar-raġel.