L-Għaqda ‘Soroptimist International of Malta’ organizzat mixja biex tqajjem kuxjenza dwar il-każ tat-tfajliet maħtufa u miżmuma ostaġġi fin-Niġerja mill-grupp estremista Boko Haram u biex tappella biex jinħelsu.
Qabel il-mixja delegazzjoni ta’ din l-għaqda, li kienet tinkludi wkoll lil Kate Gonzi, iltaqgħet mal-President ta’ Malta fil-Palazz tal-President fil-Belt Valletta. F’din il-laqgħa l-President Marie Louise Coleiro Preca tkellmet dwar din it-traġedja umana u faħħret l-impenn ta’ din l-għaqda li qed tispira ħafna nisa li qed jispiċċaw vittmi tal-vjolenza.
Il-President fakkret fil-każ tat-tfajla Pakistana Malala Yousafzai li saħqet fuq l-importanza li t-tfajliet u n-nisa għandhom ikollhom aċċess għall-edukazzjoni.
Il-President Marie Louise Coleiro Preca qalet li l-poplu Malti għandu jkun kburi li pajjiżna jħaddan il-valuri tad-drittijiet umani u qalet li l-Maltin għandhom id-dmir li jkunu solidali ma’ popli oħrajn li ma jgawdux l-istess drittijiet li ngawdu f’pajjiżna. Fi tmiem il-laqgħa l-President iffirmat ukoll il-petizzjoni li ssejjaħ għall-ħelsien ta’ dawn it-tfajliet Niġerjani.
Il-mixja telqet minn fejn il-Palazz tal-President fil-Belt Valletta u ntemmet ħdejn Kastilja fejn rappreżentanti tal-grupp Soroptimist International of Malta ppreżentaw ittra lill-Prim Ministru Malti li fiha l-għaqda tappella lill-Gvern u lill-Parlamentari kollha biex jagħmlu pressjoni fuq il-Gvern Niġerjan biex jeħles lil dawn it-tfajliet. L-ittra tappella wkoll lill-mexxejja dinjija biex jassiguraw li t-tfajliet u n-nisa jkollhom aċċess għall-edukazzjoni.
Preżenti għall-mixja kien hemm ukoll il-Kelliema tal-Partit Nazzjonalista għad-Djalogu Soċjali Claudette Buttiegieg u d-Deputat Nazzjonalista u Whip tal-Grupp Parlamentari David Agius li t-tnejn li huma ffirmaw il-petizzjoni li qed titlob għall-ħelsien tat-tfajliet Niġerjani.
L-għaqda Soroptimist International hija għaqda volontarja internazzjonali li hija impenjata biex in-nisa u t-tfajliet ikollhom vuċi ugwali f’dinja fejn jistgħu jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom.
Sadanittant, b’rabta mad-drittijiet umani, il-Kelliema tal-Partit Nazzjonalista għad-Djalogu Soċjali Claudette Buttiegieg se tkun qed tattendi għal konferenza ta’ tlitt ijiem f’Londra li matulha se tkun qed tiffoka fuq il-glieda kontra l-abbuż sesswali waqt żminijiet ta’ kunflitt.
//= $special ?>

