Lokali

Raddiena b’record ta’ elementi pirotekniċi f’Ħal Tarxien

Il-festa ta’ Marija Annunzjata li se ssir fi tmiem il-ġimgħa f’Ħal Tarxien se tkun attrazzjoni fiha nnfisha għall-fatt li fiha se jsir tentattiv biex jinkiser rekord b’raddiena li fiha se jkun hemm l-akbar ammont ta’ elementi pirotekniċi.

Ir-raddiena f’forma ta’ djamant qed tintrema fid-daħla ta’ Ħal Tarxien mill-Għaqda tan-Nar San Gabriel ta’ Ħal Tarxien u se tinxtgħel is-Sibt, lejliet il-festa tar-raħal għall-ħabta ta’ nofsilejl.

Bi 1,200 funtana u 4,000 gass il-ħsieb hu li din ir-raddiena li taħdem bis-sistema magħrufa bħala Universal tidħol fil-Malta Records.

Għad-dilettanti tal-festa f’Ħal Tarxien, din ir-raddiena hi kisba għal-lokal. L-element ta’ attrazzjonijiet ġodda bħal dawn fil-festi tal-lokalitajiet qed isaħħu l-kultura tal-festi f’Malta.

Minbarra dan ir-rekord, f’din il-festa f’Ħal Tarxien din is-sena għandhom jinksiru żewg rekords oħra. Rekord tal-akbar ammont ta’ liedna li ntużat fil-festa, 9,808 metru ta’ liedna armata fit-toroq tar-raħal u rekord ieħor ta’ murtal kbir bl-akbar ammont ta’ beraq u ħsejjes.

Dan il-murtal se jinħaraq mal-ħrug tal-vara ta’ Marija Annunzjata nhar il-Ħadd il-ġej, jum il-festa.