Edukazzjoni Lokali

Therese Comodini Cachia se tkun membru fil-Kumitat tal-PE dwar l-Edukazzjoni – Simon Busuttil

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil se jitlob lill-Membru Parlamentari Ewropew ġdida Therese Comodini Cachia biex tkun membru tal-Kumitat tal-Parlament Ewropew dwar l-Edukazzjoni ħalli tkun tista’ ssegwi mill-qrib dan il-qasam u permezz tal-ħidma tagħha ġġib riżultati għal pajjiżna. Il-Kap tal-Oppożizzjoni nnifsu ħabbar dan waqt li kien qed jindirizza il-Konferenza Ġenerali tal-Union tal-Għalliema (MUT). Din is-sena, il-konferenza tal-MUT kellha t-tema “Id-diffikultajiet li jiffaċċjaw il-unions tal-edukaturi Ewropej”.

Simon Busuttil wiegħed li fil-qasam edukattiv, l-Oppożizzjoni se tikkopera mal-Gvern biex il-pjan edukattiv ta’ pajjiżna jħalli effett fit-tul, iżda qal ukoll li l-Oppożizzjoni għandha ideat li se tipproponi u taħdem ħalli jiġu mplimentati għall-ġid ta’ dan is-settur. Dan għaliex l-Oppożizzjoni tibqa’ tqis l-edukazzjoni u l-għalliema bħala prijorità u suġġett kruċjali u indispensabbli għall-avvanz tal-pajjiż. “Pajjiżna jista’ jiftaħar b’pedamenti mill-aktar importanti fl-edukazzjoni u nittamaw li l-Gvern ikompli jibni fuqhom u jsaħħaħhom”, saħaq Simon Busuttil.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni rrikonoxxa u rringrazzja lill-MUT tal-ħidma tagħha fl-iżvilupp soċjo-ekonomiku tal-pajjiż f’għeluq il-95 sena mit-twaqqif tagħha.

Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Joseph Muscat, li wkoll indirizza l-konferenza, ukoll tkellem dwar l-importanza li l-Gvern ikompli jibni fuq it-tajjeb li sar minn amministrazzjonijiet preċedenti, filwaqt li jibdel affarijiet li ma laħqux l-għan tagħhom. Joseph Muscat qal li l-problemi ewlenin ta’ pajjiżna huma l-istudenti li jħallu l-iskola kmieni, l-illitteriżmu, in-numeriżmu, kif ukoll il-qasam vokazzjonali. Dawn huma problemi li qed iwasslu biex min iħaddem ma jsibx ħaddiema adattati biżżejjed għax-xogħol.

Fid-diskors tiegħu, il-kelliem ewlieni tal-konferenza, il-Kap tal-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trejdunions Martin Romer tkellem dwar id-diffikultajiet li l-kriżi ekonomika u n-nuqqas ta’ pjanar politiku fit-tul ħallew fil-qasam tal-edukazzjoni madwar l-Ewropa. Għal din il-konferenza attendew ukoll il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni Joe Cassar, rappreżentanti tal-iskejjel, uffiċjali tal-unions Maltin, kif ukoll numru ta’ awtoritajiet ewlenin f’pajjiżna.

Il-konferenza nfetħet mis-Segretarju Ġenerali tal-MUT Franklin Barbara u kienet indirizzata wkoll mill-President tal-MUT Kevin Bonello.